Il-KESE adotta żewġ Opinjonijiet fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Mejju, li fihom enfasizza r-rwol kruċjali tal-politika ta’ koeżjoni – l-istrument ta’ finanzjament primarju tal-UE għall-iżvilupp reġjonali – fit-tkabbir futur. Fost affarijiet oħra, il-KESE appella biex fit-trattati tal-adeżjoni jiġu inklużi għodod ta’ konformità biex jiġu indirizzati l-isfidi potenzjali ta’ wara l-adeżjoni, bħat-tħassib dwar l-emigrazzjoni u l-istat tad-dritt. 

Fis-sett il-ġdid ta’ rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-KESE enfasizza l-importanza tal-integrazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-użu effettiv tal-fondi ta’ koeżjoni. Is-suċċess fil-politika ta’ koeżjoni jitkejjel mill-eżiti territorjali u soċjali, mhux biss mill-investimenti ekonomiċi. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika huwa kruċjali għall-kisba tal-koeżjoni. 

Id-diskussjoni fil-plenarja mal-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, u l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), Vasco Alves Cordeiro, ġibdet l-attenzjoni għall-importanza tal-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. 

Il-President tal-KESE, Oliver Röpke, u kelliema oħra enfasizzaw il-ħtieġa għal politika ta’ koeżjoni robusta biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tkabbir tal-UE u tiġi evitata UE frammentata. L-adattament tal-għajnuna għar-reġjuni kandidati huwa essenzjali għall-paċi u l-prosperità, u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin jinkludu t-tisħiħ tal-edukazzjoni, l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-użu ta’ mekkaniżmi speċjali għal pajjiżi bħall-Ukrajna. 

Il-KESE nnota wkoll l-impatt usa’ tat-tkabbir fuq l-Istati Membri attwali, u enfasizza l-ħtieġa għal fondi addizzjonali għar-reġjuni affettwati. Id-9 Rapport dwar il-Koeżjoni jitlob li jkun hemm adattament għal sfidi ġodda billi jsir investiment fl-SMEs, jissaħħu l-amministrazzjonijiet lokali, u jiġi appoġġat l-aċċess ġust għall-impjieg. Politika ta’ koeżjoni dinamika hija vitali biex jiġi lliberat il-potenzjal ekonomiku tal-UE u biex tiġi żgurata l-integrazzjoni effettiva ta’ Stati Membri ġodda (tk).