European Economic
and Social Committee
Biex tiddefendi l-interessi tagħha, l-UE jeħtieġ tikkunsidra mill-ġdid l-istrateġija tagħha għall-Artiku
L-interessi leġittimi tal-UE fl-Artiku Ewropew se jiġu difiżi l-aħjar permezz ta’ strateġija tal-UE għall-Artiku li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-deċiżjonijiet rilevanti kollha. Il-kooperazzjoni mill-qrib ma’ Greenland hija wkoll essenzjali għal investiment sostenibbli fl-Artiku sabiex jiġu żgurati l-prosperità u r-reżiljenza tar-reġjun.
Il-KESE ressaq Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Niżviluppaw l-istrateġija tal-Ewropa għall-Artiku fi djalogu mas-soċjetà ċivili, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Jannar u tenfasizza r-rwol importanti li l-Artiku għandu għall-awtonomija strateġika, ir-reżiljenza u l-kompetittività tal-Ewropa.
Il-membru tal-KESE Anders Ladefoged, relatur tal-Opinjoni, qal: “Bl-Opinjoni ġdida tagħna dwar il-politika tal-UE dwar l-Artiku qed noffru perspettiva tas-soċjetà ċivili dwar kif l-UE tista’ tiżviluppa il-politika tagħha għal dan ir-reġjun. Kemm biex tieħu ħsieb l-interessi tagħha stess kif ukoll biex tgħin jiġi żgurat reġjun reżiljenti u prosperu għan-nies li jgħixu hemmhekk.”
Il-KESE jappoġġja u jħeġġeġ ukoll konsultazzjoni sħiħa u kooperazzjoni mal-popli indiġeni fl-Artiku. F’dan il-kuntest, il-membru tal-KESE Christian Moos, korelatur tal-Opinjoni, qal: “L-interessi tal-Istati Ewropej tal-Artiku jiġu difiżi l-aħjar flimkien, kemm permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tat-Tramuntana tal-UE kif ukoll permezz ta’ strateġija Ewropea għall-Artiku, li trid tiżgura l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tiddefendi d-drittijiet tal-popli lokali u indiġeni.”
Greenland, li hija diskussa wkoll fl-Opinjoni, qed tiffaċċja sitwazzjoni simili għall-Artiku Ewropew fir-rigward kemm tal-opportunitajiet kif ukoll tal-isfidi relatati mat-trasformazzjoni rapida fir-reġjun.
Fir-rigward ta’ Greenland, is-Sur Moos qal: “Il-kooperazzjoni Ewropea msaħħa, inkluż fi Greenland, hija essenzjali għal investiment sostenibbli fl-Artiku Ewropew sabiex isir reġjun prosperu u reżiljenti.”
Għall-Greenlandiżi, wieħed mill-punti fokali ewlenin huwa t-tisħiħ tal-awtodeterminazzjoni tagħhom bħala nazzjon taħt is-slogan “xejn dwarna, mingħajrna”. Madankollu, l-UE hija meqjusa bħala alleat mill-qrib, fuq il-bażi ta’ valuri kondiviżi, bħad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-djalogu soċjali. (at)