European Economic
and Social Committee
Il-KESE jieħu azzjoni biex jawtonomizza lin-nisa fis-suq tax-xogħol u bħala intraprendituri
Biex ifakkar il-Ġimgħa għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Parlament Ewropew, il-KESE adotta żewġ Opinjonijiet li fihom tfasslu xi rakkomandazzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-appoġġ lil dawk li jieħdu ħsieb il-familja. Il-Kumitat appoġġja wkoll l-inizjattiva tal-Parlament b’serje ta’ avvenimenti marbuta mal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u d-diskriminazzjoni intersezzjonali.
Waqt li fetħet id-dibatittu, il-President tal-KESE Christa Schweng qalet: “Id-differenza attwali bejn il-ġeneri fl-impjiegi mhijiex aċċettabbli u tirrappreżenta ħsara ekonomika u soċjali sinifikanti għall-UE. Jeħtieġ li noħolqu ambjent aktar favorevoli għall-intraprendituri nisa, inneħħu l-ostakli u l-istereotipi u nsibu aktar mudelli ta’ referenza għaż-żgħażagħ bniet u nisa.”
Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew, Evelyn Regner, enfasizzat il-bżonn tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u ta’ miżuri vinkolanti: “Dan l-aħħar, il-progress kien b'ritmu aktar kajmana mis-snin preċedenti. Iżda fejn ġew introdotti miżuri vinkolanti, għadna nistgħu nagħmlu xi progress. Jeħtieġ li nibdlu l-kultura biex niġġieldu kontra l-preġudizzju, iżda neħtieġu wkoll miżuri vinkolanti. U jeħtieġ li naħdmu flimkien – il-PE, il-KESE, in-nisa u l-irġiel, iż-żgħażagħ u l-anzjani.”
Ozlem Yildirim, relatur tal-Opinjoni “Intejbu l-ugwaljanza fl-UE”, appella għal “politika effettiva kontra d-diskriminazzjoni fil-livell tal-UE, kompluta b'sanzjonijiet verament dissważivi”.
Il-korelatur, Cristian Pîrvulescu, spjega li “l-Opinjoni tappella biex tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ miżuri biex tiġi promossa l-ugwaljanza fl-Ewropa, abbażi tar-rikonoxximent tal-prinċipju tal-ugwaljanza u tal-obbligi biex tiġi infurzata.”
Il-Kumitat adotta wkoll Opinjoni dwar Ir-rwol tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura lill-persuni b’diżabilità u lill-anzjani. Ir-relatur għall-Opinjoni, Pietro Vittorio Barbieri, spjega li “l-benessri Ewropew huwa bbażat fuq dawk li jieħdu ħsieb il-familja, li spiss jitħallew barra mis-sistema. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn huma nisa li huma mġiegħla jagħżlu bejn li jipprovdu l-kura jew li jkomplu jaħdmu. Inħeġġu lill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali biex jinvestigaw dan il-fenomenu f’ġieħ dawk li jindukraw u dawk li għandhom bżonn il-kura.” (gb)