European Economic
and Social Committee
Jeħtieġ li l-UE tiġbed l-attenzjoni dwar is-sostenibbiltà soċjali
F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiddeskrivi d-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa biex it-tassonomija tas-sostenibbiltà tal-UE tiġi estiża għall-objettivi soċjali. Il-Kummissjoni għandha l-mandat mir-Regolament dwar it-Tassonomija biex tippubblika rapport relatat, iżda s’issa naqset milli tagħmel dan.
“Il-KESE jappella għal tassonomija tal-UE olistika, li tinkludi s-sostenibbiltà ambjentali kif ukoll dik soċjali. Tassonomija soċjali tgħin biex l-investiment jiġi kanalizzat lejn l-għanijiet soċjali”, tgħid ir-relatur Judith Vorbach. “Għandha tikkostitwixxi standard tad-deheb, li jirrifletti livell ogħla ta’ ambizzjoni minn dak previst fil-leġiżlazzjoni”.
It-tassonomija tal-UE hija sistema ta’ klassifikazzjoni li tistabbilixxi lista ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli biex tiżdied l-iskala tal-investiment sostenibbli b’appoġġ għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Il-KESE huwa tal-fehma li tassonomija soċjali tgħin biex tindirizza talbiet fittizji min-negozji li jridu jattiraw investituri soċjalment responsabbli, billi tipprovdi informazzjoni preċiża dwar l-impronta soċjali tagħhom. Tassonomija soċjali inkwadrata b’mod intelliġenti tista’ tikkontribwixxi ħafna biex jiġi evitat l-hekk imsejjaħ ħasil soċjali (social washing) l-istess bħall-greenwashing.
Kęstutis Kupšys, membru tal-grupp ta’ studju, jenfasizza li l-industrija finanzjarja hija ħerqana li tiddiskuti t-tassonomija soċjali. “Hemm domanda għal prodotti finanzjarji sostenibbli fis-suq, inkluż għas-sostenibbiltà soċjali”, huwa qal. “Sakemm ma jkollniex klassifikazzjoni ċara dwar dak li jitqies bħala ‘soċjali’, dan l-aspett se jkun nieqes mill-qasam tal-investimenti sostenibbli.” (tk)