Sabiex jiġi żgurat ġejjieni aktar prosperuż għaċ-ċittadini tagħhom, il-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent iridu jindirizzaw il-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ, li huma l-muftieħ ta’ dan il-futur. Allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti u trasparenti għall-iżvilupp ta’ politika taż-żgħażagħ u l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-proċess ta’ adeżjoni fl-UE huma prerekwiżiti għall-faċilitar ta’ bidliet pożittivi u t-titjib tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fir-reġjun.

Ionuţ Sibian, membru tal-KESE u relatur għall-Opinjoni “Il-politika dwar iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent”, bħala parti mill-Aġenda ta’ Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent, enfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE: “L-istituzzjonijiet tal-UE jridu jappoġġjaw aktar lill-Balkani tal-Punent biex itejbu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Il-Garanzija taż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent għandha tiġi implimentata fi sħubija bejn il-provvedituri tal-Garanzija taż-Żgħażagħ u l-partijiet interessati rilevanti”.

Andrej Zorko, membru tal-KESE u korelatur, qed isejjaħ lis-sitt imsieħba mill-Balkani tal-Punent biex jallinjaw ruħhom ma’ dokumenti prinċipali tal-politika taż-żgħażagħ tal-UE u biex jinvestu aktar f’politiki taż-żgħażagħ imsejsa fuq l-evidenza sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-iżvilupp taż-żgħażagħ.

Inbidlu r-reġjun f’post fejn jeżistu prospetti għall-ġejjjieni

Il-livell għoli ta’ migrazzjoni taż-żgħażagħ mill-Balkani tal-Punent, li ilha problema, joriġina b’mod partikolari mill-fatt li ż-żgħażagħ m’għandhomx aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità tajba, u l-opportunitajiet għal karriera huma limitati.

Is-sistemi edukattivi u l-kurrikuli attwali għandhom bżonn kbir li jiġu riformati. Il-kapaċitajiet intraprenditorjali taż-żgħażagħ għandhom jiġu inkoraġġuti u promossi, filwaqt li l-infrastruttura soċjali tar-reġjun teħtieġ li tissaħħaħ iktar.

L-Aġenda ta’ Innovazzjoni tal-UE għall-Balkani tal-Punent tinkludi ż-żgħażagħ u konsegwentement, tinkoraġġixxi lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent biex jibnu l-qafas tal-politika taż-żgħażagħ tagħhom u jipproċedu bir-riformi neċessarji biex ibiddlu ż-żona f’reġjun bi prospetti futuri għaż-żgħażagħ. (at)