European Economic
and Social Committee
Tingħata spinta lill-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju tal-Ewropa
Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
Id-diversità u l-potenzjal attwali tal-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali (IA) huma kważi illimitati, u fil-preżent, bosta negozji u ċittadini mingħajr ma jafu jużaw soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA. Hekk kif dawn it-teknoloġiji jsiru dejjem aktar mifruxa, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) jeħtieġ li jużaw l-IA sabiex iżommu l-pożizzjoni tagħhom fil-konfront ta’ kompetituri eżistenti u emerġenti. Madankollu, diversi ostakli jwasslu għal diskrepanza fl-użu bejn is-swieq u/jew bejn il-korporazzjonijiet il-kbar u l-MSMEs. Studju reċenti jixħet dawl fuq l-opportunitajiet u l-isfidi fir-rigward tal-użu tal-IA mill-MSMEs tal-Ewropa.
L-IA tippreżenta għadd ta’ theddidiet soċjetali u ekonomiċi għall-MSMEs Ewropej. L-isfidi ewlenin huma n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-benefiċċji tal-IA fost il-maniġment tal-kumpanija u n-nuqqas ta’ ħiliet fost il-persunal (tekniku) eżistenti, kif ukoll data nieqsa jew inaċċessibbli. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tas-suq estern, bħall-oqsfa legali li huma wisq restrittivi jew wiesgħa żżejjed, ifixlu l-użu b’suċċess ta’ teknoloġiji tal-IA mill-MSMEs.
Sabiex jingħelbu dawn l-isfidi u jitrawwem l-użu tal-IA mill-MSMEs, l-istudju jippreżenta sett ta’ għodod għal dawk li jfasslu l-politika, li jinkludu l-miżuri li ġejjin:
• Sensibilizzazzjoni dwar l-IA u l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa għall-forza tax-xogħol tal-MSMEs sabiex tibqa’ kompetittiva
• It-titjib ta’ aċċess ċentralizzat għal data miftuħa sabiex jitħarrġu u jiġu żviluppati soluzzjonijiet tal-IA filwaqt li jiġu mħarsa s-sjieda u l-kontroll tad-data
• L-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji għall-MSMEs sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-IA fl-isforzi tagħhom fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni
• Jiġi żgurat suq uniku trasparenti għal soluzzjonijiet tal-IA sabiex jitnaqqsu r-riskji u tiżdied it-transferabbiltà għall-MSMEs.
L-istudju sħiħ jinsab disponibbli hawnhekk:https://europa.eu/!gy8h4C
L-istudju “Boosting the use of Artificial Intelligence in Europe’s micro, small and medium-sized enterprises” (Tingħata spinta lill-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju tal-Ewropa), ġie kkummissjonat mill-KESE fuq talba tal-Grupp ta’ Min Iħaddem. L-awturi tal-istudju huma SpaceTec Partners u UnternehmerTUM. (dv/kr)