Il-KESE, ġimgħa biss qabel is-Summit tal-Kunsill tal-UE, adotta riżoluzzjoni li tappoġġja bil-qawwa li l-istatus ta’ kandidat għas-sħubija fl-UE jingħata lill-Ukrajna mingħajr kundizzjonijiet, u li twiegħed l-impenn tas-soċjetà ċivili Ewropea li taħdem id f’id mal-Ukreni biex jibnu pajjiżhom mill-ġdid b’mod aħjar.

Fil-plenarja ta’ Ġunju, il-KESE adotta riżoluzzjoni oħra dwar l-Ukrajna. Ir-riżoluzzjoni, intitolataL-Ukrajna – minn għajnuna għal rikostruzzjoni – proposti mis-soċjetà ċivili Ewropea, tenfasizza li l-pajjiż għandu jingħata adeżjoni mal-UE ladarba jissodisfa r-rekwiżiti għas-sħubija. Ir-riżoluzzjoni tgħid biċ-ċar li l-kandidatura tal-Ukrajna m’għandhiex tkun għad-detriment tal-proċess ta’ adeżjoni li għaddej bħalissa għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Fir-rigward tar-rikostruzzjoni tal-pajjiż, ir-riżoluzzjoni tixħet dawl fuq il-ħtieġa immedjata ta’ għajnuna finanzjarja Ewropea u internazzjonali biex nevitaw li l-ekonomija Ukrena tfalli għalkollox. 

Il-President tal-KESE, Christa Schweng, qalet “Ir-riżoluzzjoni tagħna tibgħat messaġġ ċar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex l-Ukrajna tingħata l-istatus ta’ kandidat. L-Ukrajna jistħoqqilha dan, u l-poplu tagħha għandu jingħata prospetti Ewropej ċari.”

Oliver Röpke, President tal-Grupp tal-Ħaddiema, qal: “Se nkunu qed naħdmu flimkien mal-Ukrajna biex tkun tista’ timplimenta passi gradwali b’mod li tissodisfa l-istandards meħtieġa mit-trattati Ewropej biex tissieħeb fl-Unjoni”.

Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, qal: “Qed nappellaw lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu fondi speċifiċi ta’ emerġenza għall-SMEs, li għandhom jintużaw l-ewwel u qabel kollox biex jiġu ppreservati, u mbagħad biex jgħinuhom jikbru”.

Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjoijiet tas-Soċjetà Ċivili qal: “L-atturi tas-soċjetà ċivili għadhom ikunu fil-qalba tal-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-għajnuna umanitarja fil-livell tal-UE u dak nazzjonali lill-Ukrajna – kemm matul il-gwerra kif ukoll fil-bini mil-ġdid tal-pajjiż”.

Marta Barandiy, President ta’ “Promote Ukraine”, qalet: “Neħtieġu l-għajnuna tagħkom biex nibnu l-pajjiż mill-ġdid”, mentri Mariya Korolchuk, hija u titkellem f’isem l-NGOs CORE u Funky Citizens, f’diskors emozzjonali ferm, qalet li l-poplu Ukren kien determinat li jirbaħ u jibni lill-Ukrajna mill-ġdid.

Fl-istqarrija tiegħu, Vsevolod Chentsov, Kap tal-Missjoni Ukrena għall-UE, irringrazzja lill-Istati Membri tal-UE għas-solidarjetà tagħhom, u ġibed l-attenzjoni għall-fatt li istatus tagħha ta’ pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE kien “mument eżistenzjali għalina”. (at)