European Economic
and Social Committee
Konferenza Ewropea fl-Irlanda dwar it-Tranżizzjoni Ġusta
Mill-Grupp tal-KESE tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili
Il-Grupp tal-KESE tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, fi sħubija mal-Irish Rural Link, organizza konferenza fl-Irlanda biex janalizza s-suġġett tat-“Tranżizzjoni Ġusta” minn diversi aspetti.
Il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, fi sħubija mal-Irish Rural Link (IRL), network nazzjonali li jirrappreżenta l-interessi tal-komunitajiet rurali fl-Irlanda, organizza konferenza konġunta fid-9 ta’ Ġunju f’Tullamore, l-Irlanda.
Il-konferenza analizzat is-suġġett tat-“Tranżizzjoni Ġusta” minn diversi aspetti u l-kelliema kellhom dibattitu dwar il-ħtieġa ta’ tranżizzjonijiet ġusti, kif ukoll l-opportunitajiet li dawn joħolqu, fit-tliet panels li ġejjin:
- It-tisħiħ tal-komunitajiet u l-bini tal-kapaċitajiet permezz tar-rikreazzjoni u l-wirt;
- Il-ħolqien tal-impjiegi u l-provvista ta’ enerġija rinnovabbli;
- L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ.
Pippa Hackett, Ministru tal-Istat għall-Użu tal-Art u l-Bijodiversità, tat bidu għall-konferenza li fiha ħadu sehem ukoll il-kelliema mistiedna li ġejjin: Kieran Mulvey, Kummissarju għat-Tranżizzjoni Ġusta, l-Irlanda; Declan Harvey, President tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Offaly, u Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-IRL.
Huwa u jitkellem dwar il-konferenza, Séamus Boland, qal: “Huwa ta’ ferħ kbir li nista’ nġib il-Grupp tal-KESE tiegħi f’Tullamore biex naraw b’għajnejna stess kif it-Tranżizzjoni Ġusta qed tiġi implimentata f’żona li ntlaqtet l-aktar mill-miżuri meħtieġa biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Huwa importanti wkoll li nenfasizzaw ir-rwol essenzjali li jaqdu l-komunitajiet fit-Tranżizzjoni Ġusta u li niżguraw li jkunu involuti u impenjati f’kull stadju”.
Il-Ministru Pippa Hackett qalet: “Ninsabu fil-bieb tat-tranżizzjoni – nistgħu naraw il-pajsaġġ quddiemna, xi wħud minna taw is-salt, iżda ħafna minna, bir-raġun, qed insibuha bi tqila biex nimpenjaw ruħna bis-sħiħ peress li dan ifisser li jkollna nsellmu lil dak li nafu u nifhmu. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti ħafna x’jaqdu bħala komunikaturi, medjaturi u animaturi kemm tal-aktar persuni milquta kif ukoll ta’ dawk li jilleġiżlaw, fil-livell nazzjonali u tal-UE, għat-tranżizzjoni. Nilqa’ din il-konferenza bħala pass importanti ieħor fit-triq tal-aktar reġjuni milquta tal-UE, inkluż ir-Reġjun taċ-Ċentru tagħna fl-Irlanda.”
Il-konklużjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, filmat u r-ritratti tal-konferenza kif ukoll il-preżentazzjonijiet tal-kelliema mistiedna huma disponibbli fis-sit web tal-KESE. (jk)