European Economic
and Social Committee
Għeżież qarrejja,
Hekk kif qed noqorbu lejn sessjoni plenarja oħra mimlija b’ħafna opinjonijiet dwar bosta kwistjonijiet importanti, hemm suġġett wieħed partikolari li xtaqt niġbdilkom l-attenzjoni dwaru: iż-żgħażagħ L-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi tagħna mhuwiex sempliċement “tajjeb li jkollna” – imma xi ħaġa li “bilfors irid ikollna”, minħabba li l-futur tal-Ewropa huwa l-futur tagħhom. Huwa għalhekk li t-trasformazzjoni tal-KESE f’forum ġenwin ta’ ġenerazzjoni ġdida, fejn iż-żgħażagħ jistgħu jitkellmu u, aktar importanti minn hekk, fejn tinstema’ l-vuċi tagħhom, hija waħda mill-prijoritajiet politiċi ewlenin tiegħi. U din il-ġimgħa, se jkollna l-opportunità niddiskutu u niddeċiedu dwar uħud mill-ewwel elementi li jsawru dan il-forum tal-ġenerazzjoni ġdida.
L-ewwel nett, se niddeċiedu dwar Grupp ġdid tal-KESE dwar iż-Żgħażagħ. Se nibnu fuq is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u r-rekord fantastiku li diġà għandha f’din id-dar, u għalhekk għandna bażi soda biex navvanzaw pass ’il quddiem b’din l-inizjattiva. L-idea hija li l-grupp jiffoka fuq il-fehim dwar id-diversi sfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ illum u l-formulazzjoni ta’ soluzzjonijiet effettivi għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-KESE. Il-grupp ser jeżamina l-għażliet differenti biex jinħoloq korp permanenti għaż-żgħażagħ fi ħdan il-KESE. Bit-twaqqif ta’ dan il-grupp, irrid niżgura li l-kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ jiġu indirizzati b’mod komprensiv bl-akbar dedikazzjoni, u aktar importanti minn hekk, li jibqgħu fuq quddiem fl-aġenda tal-KESE.
It-tieni, fil-ġimgħat li ġejjin se nanalizzaw proġett pilota li jimplimenta t-Test taż-Żgħażagħ tal-UE fl-opinjonijiet tal-KESE. L-idea hija li niżguraw li l-opinjonijiet tagħna jgħaddu mit-test mill-perspettiva taż-żgħażagħ. Dan se jgħinna ninkorporaw bis-sħiħ il-perspettivi, il-bżonnijiet u l-istennijiet tagħhom fil-proċess tagħna tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u nrawmu approċċ tabilħaqq parteċipattiv u inklużiv għat-tfassil tal-politiki tal-UE
Fil-jiem li ġejjin, se nkun qed inserraħ fuq l-appoġġ u l-impenn tal-membri biex nieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Dan se jagħti prova liċ-ċittadini żgħażagħ tal-UE li aħna kapaċi ngħaddu mill-kliem għall-fatti, li nwettqu dak li nwiegħdu, u nibdlu dan il-forum f’forum taż-żgħażagħ.
Oliver Röpke
Il-President tal-KESE