European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappella għal azzjoni aktar konkreta biex jiġu appoġġjati u protetti l-ġurnalisti indipendenti Belarussi
Minn Awwissu 2020 ’il hawn, ir-reġim awtoritarju ta’ Aleksandr Lukashenko wettaq attakk tal-massa fuq is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti indipendenti, il-bloggers u l-kittieba fil-Belarussja. Il-KESE ppubblika Rapport ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-midja fil-pajjiż, fejn għamel rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu assistiti l-kumpaniji tal-midja u l-ġurnalisti Belarussi li ħarbu mill-pajjiż u dawk li baqgħu fil-pajjiż biex jiġġieldu kontra r-reġim.
Il-membru tal-KESE u relatur tar-Rapport, Tatjana Babrauskienė, li ppreżentat ir-Rapport ta’ Informazzjoni dwar Appoġġ għas-settur tal-midja indipendenti fil-Belarussja fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Mejju, enfasizzat il-kontribut sinifikanti tal-esperta maħtura, il-ġurnalista indipendenti Belarussa Hanna Liubakova, għall-abbozzar ġenerali tar-rapport u enfasizzat: “Huwa importanti li tiġi rikonoxxuta l-ħidma inkredibbli tal-ġurnalisti Belarussi, li spiss poġġew ħajjithom u l-familji tagħhom f’riskju sempliċiment biex ikollna l-verità. Id-dmir tagħna huwa li nipproteġuhom u nappoġġjawhom.”
Peress li s-sitwazzjoni tal-midja fil-Belarussja hija kwistjoni Ewropea, il-KESE jipproponi li l-Istati Membri mhux biss jistabbilixxu kooperazzjoni mal-aġenziji indipendenti tal-aħbarijiet fil-Belarussja iżda wkoll jgħinu fit-tixrid u r-rapportar ta’ aħbarijiet mill-pajjiż.
Ir-Rapport ta’ informazzjoni jressaq rakkomandazzjonijiet speċifiċi u jistabbilixxi eżempju globali ta’ appoġġ għal-libertà tal-midja fi kriżi:
• eżenzjonijiet mill-ħtieġa ta’ viża lill-ġurnalisti Belarussi li jfittxu rifuġju mir-repressjoni;
• l-istabbilment ta’ fondi nazzjonali u tal-UE fl-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-midja indipendenti u lill-ġurnalisti Belarussi;
• appoġġ legali, finanzjarju u psikoloġiku għal ġurnalisti li jħarrbu r-ripressjoni;
• l-integrazzjoni tal-ġurnalisti indipendenti Belarussi fl-Istati Membri tal-UE permezz ta’ impjiegi u boroż ta studju;
• l-eliminazzjoni tal-burokrazija biex tinkiseb għajnuna finanzjarja mill-UE;
• faċilitajiet tal-IT li jippermettu aċċess għall-internet u għoddod diġitali biex tiġi evitata ċ-ċensura.