European Economic
and Social Committee
Sistema ta’ migrazzjoni olistika u koeżiva tista’ tipproteġi lill-Ewropa kontra t-theddid tad-dittaturi u l-kriżijiet tar-refuġjati
B’reazzjoni għall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat fil-fruntieri esterni tal-UE, il-KESE organizza konferenza dwar dan is-suġġett, fejn enfasizza l-momentum li fuqu hija bbażata l-Ewropizzazzjoni tal-politika dwar il-migrazzjoni. S’issa, il-mexxejja awtoritarji strumentalizzaw it-tbatija umanitarja biex jirrikattaw lill-Ewropa, peress li jafu li hemm lakuni eżistenti fil-politika dwar il-migrazzjoni fil-kontinent.
Il-konferenza intitolata Lejn l-Ewropizzazzjoni tal-politika dwar il-migrazzjoni? Tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u l-gwerra fl-Ukrajna saret b’mod konġunt mal-laqgħa tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni (REX).
Ta’ min jinnota li l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti mir-reġim Belarussu ma kienx l-ewwel każ ta’ dan it-tip, peress li kien twettqu abbużi simili wkoll mit-Turkija, il-Libja u l-Marokk.
Fir-rigward tal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti bħala arma f’idejn il-mexxejja awtoritarji, il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas qal: “It-tagħlima ewlenija li nistgħu nisiltu mill-politiki tagħna hija li sakemm ma nkunux nistgħu nipproduċu sistema tal-migrazzjoni komuni u miftiehma, se nkunu fil-mira.”
Il-President tal-KESE Christa Schweng enfasizzat: “Din il-kriżi tar-refuġjati għamiltha ċara li l-migrazzjoni tolqot lill-Istati Membri kollha. L-UE għandha tuża dan il-momentun biex timxi ’l quddiem bil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil sabiex twassal għall-bidla sistemika meħtieġa biex tiġi żviluppata politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil tal-UE razzjonali u bbażata fuq id-drittijiet.”
“Issa huwa ż-żmien tal-ġeopolitika. Bl-istess mod kif ingħaqdna fil-pandemija, din il-gwerra qed ikollha l-istess effett fuq l-opinjoni pubblika Ewropea u dan huwa importanti ħafna”, enfasizza l-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas. (at)