Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Wara sena ta’ ħidma intensiva, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fl-aħħar ħarġet bir-rakkomandazzjonijiet tagħha, fejn ippreżentat sensiela ta’ proposti ambizzjużi għal Ewropa iktar ġusta u iktar b’saħħitha mressqa minn ċittadini mill-Ewropa kollha, li ħadmu flimkien mal-imsieħba soċjli u atturi oħrajn. Iċ-ċittadini għamluha ċara li l-Unjoni Ewropea trid tagħmel aktar fl-oqsma li huma importanti għalihom, b’mod partikolari f’oqsma bħall-inugwaljanza, il-faqar, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tad-demokrazija. Dan jista’ jidher, pereżempju, fl-inklużjoni ta’ Protokoll dwar il-Progress Soċjali biex jiġi żgurat li d-drittijiet soċjali u tax-xogħol ikunu fuq l-istess livell tal-erba’ libertajiet fundamentali tas-suq uniku. Iċ-ċittadini talbu wkoll Ewropa aktar kuraġġuża, waħda li taġixxi fl-arena internazzjonali b’vuċi waħda, li tkun kapaċi tirreaġixxi għall-ambjent tagħha u li ssir eqreb taċ-ċittadini tagħha u ssir aktar trasparenti fil-ħidma tagħha.

Din il-ħidma, madankollu, ma tista tintemm b’dikjarazzjoni sempliċi dwar intenzjonijiet tajba, jew kliem fieragħ. Segwitu reali huwa fundamentali. Dan ifisser li tiġi organizzata konvenzjoni u tiġi esplorata l-possibbiltà li jinħolqu strutturi permanenti għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, xi ħaġa li għaliha l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikun partikolarment mgħammar tajjeb. Il-KESE, bħala d-dar tas-soċjetà ċivili organizzata u d-demokrazija deliberattiva fl-UE, għandu jiżgura li l-proposti ambizzjużi miċ-ċittadini jinbidlu f’politiki reali. Iċ-ċittadini ġew mistoqsija u wieġbu. Il-Grupp tal-Ħaddiema organizza konferenza ta’ livell għoli mal-membri tad-diversi komponenti tal-Konferenza biex jiddiskuti r-rakkomandazzjonijiet u s-segwitu possibbli għal dan l-għan proprju, sabiex il-proċess jingħata kontinwità. Issa hija r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet li jieħdu azzjoni. (prp)