European Economic
and Social Committee
Charles Michel, waqt li kien qed jitkellem fil-plenarja tal-KESE, jappella għal Komunità Ġeopolitika Ewropea li tkun tinkludi lill-Ukrajna
Fil-ftuħ tas-sessjoni plenarja ta’ Mejju, il-President tal-KESE enfasizzat li: “Magħqudin jeħtiġilna naffaċċjaw il-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna u l-isfidi ġeopolitiċi li għandna quddiemna. L-Ewropa jeħtiġilha tevolvi minn pijuniera fil-ġestjoni tal-kriżi għal pijuniera dinjija fit-tfassil tal-futur”.
“Il-Kremlin huwa żbaljat: dwar il-kapaċitajiet militari tiegħu, dwar is-saħħa tar-reżistenza Ukrena, dwar id-determinazzjoni u l-għaqda Ewropea”, qal il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, li ppropona approċċ ġdid għan-negozjati dwar it-tkabbir.
Fid-dawl tal-progress bil-mod tan-negozjati mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u l-applikazzjonijiet il-ġodda għal sħubija mill-Ukrajna, il-Georgia, u l-Moldova, l-UE għandha tipprevedi approċċ ta’ “integrazzjoni proporzjonata u kkontrollata”.
Skont Michel, “soluzzjoni li tkun ibbażata fuq integrazzjoni gradwali u progressiva matul il-proċess ta’ adeżjoni”.
Il-President tal-Kunsill Ewropew tkellem ukoll dwar il-ħolqien ta’ komunità ġeopolitika Ewropea, hekk kif l-UE qed tassumi tmexxija politika akbar. Il-politika barranija tkun qasam ewlieni ta’ kooperazzjoni fi ħdan din il-Komunità. “L-għan huwa li tinħoloq konverġenza u tiġi approfondita l-kooperazzjoni operattiva biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni, il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-kontinent tagħna”, qal il-President.
Madankollu, huwa ċċara li “din l-inizjattiva bl-ebda mod mhi maħsuba biex tissostitwixxi t-tkabbir jew biex tinstab skuża ġdida għal prokrastinazzjoni. Lanqas ma hija garanzija għal dawk li jipparteċipaw li xi darba se jkunu membri tal-UE”. (at)