European Economic
and Social Committee
Is-sostenibbiltà tal-industrija tal-imballaġġ tista’ tkun essenzjali fil-ħarsien tal-pjaneta
F’Opinjoni proposta mill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Mejju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet nazzjonali, f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha fl-industrija tal-imballaġġ, jieħdu l-passi meħtieġa matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kull prodott biex tiżdied is-sostenibbiltà tal-industrija.
Il-parti l-kbira tal-ammonti enormi ta’ materjali tal-imballaġġ użati attwalment għas-sikurezza, l-iġjene, it-trasport, il-preservazzjoni, il-preżentazzjoni, u l-applikazzjoni ta’ kull tip ta’ merkanzija – kemm jekk għal skopijiet industrijali, xogħol ta’ kostruzzjoni, sistemi ta’ komunikazzjoni, jew konsum individwali – huma magħmula minn fibri karboniċi jew metalliċi, li huma riżorsi limitati.
“Il-leġiżlazzjoni futura tal-UE għandha tiffoka fuq iċ-ċiklu tal-ħajja fl-intier tiegħu tal-prodotti biex tippromovi l-ekonomija ċirkolari. Il-produzzjoni, il-konsum u t-trattament tal-iskart fl-industrija tal-imballaġġ huma kruċjali biex isir progress lejn futur sostenibbli”, qal ir-relatur tal-Opinjoni, Matteo Carlo Borsani.
L-Opinjoni tinkludi lista ta’ materja prima preferuta: l-imballaġġ magħmul minn fibri naturali u materjali naturali oħrajn jista’ effettivament jissepara t-tkabbir mill-użu tar-riżorsi. Il-materjali rinnovabbli huma dejjiema, attraenti, riċiklabbli u bijodegradabbli.
Il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi u l-interazzjonijiet mal-imballaġġ qed jevolvu wkoll. Huwa kruċjali li l-industrija u l-konsumaturi jibdlu d-drawwiet tagħhom fir-rigward tal-imballaġġ.
Il-KESE jappella wkoll għall-implimentazzjoni ta’ djalogu soċjali Ewropew fl-industrija tal-imballaġġ, li jinvolvi l-federazzjonijiet tat-trade unions u l-federazzjonijiet ta’ min iħaddem. Meta wieħed iqis l-importanza tal-imballaġġ fl-oqsma kollha tal-ekonomija, l-Opinjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi forum annwali dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ. Il-forum ilaqqa’ flimkien il-partijiet interessati u r-rappreżentanti mill-istituzzjonijiet Ewropej biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva u jidentifikaw l-aħjar prattiki fir-rigward ta’ regolamenti dwar l-imballaġġ sostenibbli. (ks/rl)