European Economic
and Social Committee
Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: Il-konsultazzjonijiet tal-KESE ser jilħqu kull rokna tal-Ewropa
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Christa Schweng, tat bidu għall-attivitajiet uffiċjali tal-Kumitat relatati mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFoE) b’sessjoni diretta ta’ mistoqsija u tweġiba. #CoFoE - Inwasslu l-proġett Ewropew lura għand iċ-ċittadini stabbilixxa l-opinjonijiet u l-aspettattivi tas-soċjetà ċivili organizzata rigward il-Konferenza. Dan l-avveniment enfasizza wkoll l-importanza ta’ involviment ma’ persuni barra mill-bużżieqa ta’ Brussell u ta lok għal skambju ta’ ideat bi tħejjija għall-konsultazzjonijiet taċ-ċittadini li ġejjin.
Il-President tal-KESE Christa Schweng qalet li l-Kumitat se jmexxi inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri kollha sabiex jiggarantixxu rappreżentanza ġusta: “Aħna se ninvolvu lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lis-soċjetà ċivili organizzata kollha u nwasslu l-opinjonijiet tagħhom lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa”. Hija rreferiet ukoll għar-riżoluzzjoni tal-KESE adottata reċentement li tipproponi narrattiva ġdida għall-Ewropa.
Il-viċi president tal-Kummissjoni Dubravka Šuica qalet li “Il-politika nbidlet fl-Unjoni Ewropea. Għall-ewwel darba, il-Konferenza ġġib liċ-ċittadini fil-qalba tat-tfassil tal-politika fl-Unjoni Ewropea. Permezz tal-Konferenza, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jistgħu flimkien jeżiġu sjieda tal-Unjoni Ewropea futura tagħhom”.
L-MEP Eva Maydell saħqet li “xogħolna hu li nagħmlu l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa sinifikanti għaċ-ċittadini”.
Il-ħidma tal-KESE dwar narrattiva ġdida għall-Ewropa tmexxiet mill-presidenti tat-tliet gruppi li jiffurmaw il-Kumitat: Stefano Mallia (Min Iħaddem), Oliver Röpke (Ħaddiema) u Séamus Boland (Diversità Ewropa).
Cillian Lohan, il-viċi president tal-KESE responsabbli għall-komunikazzjoni, għalaq id-diskussjoni billi qal li l-konsultazzjonijiet tal-KESE dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa se jaslu f’kull rokna tal-Ewropa u se jkunu mifruxa kemm jista’ jkun.
Il-Konferenza tippjana li jkollha l-konklużjonijiet tagħha lesti għar-rebbiegħa tal-2022 u l-istituzzjonijiet tal-UE mbagħad jirriflettu fuq dak li ilhom jgħidu l-Ewropej.
Ara l-avveniment ta’ inawgurazzjoni #CoFoE - Inwasslu l-proġett Ewropew lura għand iċ-ċittadini fuq il-kont Twitter tal-KESE @EU_EESC jew fuq Facebook. (ks)