Hemm wisq ostakli li għadhom idgħajfu l-potenzjal tas-sistemi tal-enerġija diġitali. Huwa diffiċli li jiġu implimentati soluzzjonijiet aktar intelliġenti, speċjalment minħabba proċeduri amministrattivi kbar, nuqqas ta’ inċentivi effettivi, u l-inflessibbiltà tan-network ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni minħabba nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija.

Dawn huma l-konklużjonijiet ewlenin milħuqa fl-Opinjoni tal-KESE “Pjan ta’ azzjoni tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija”.

L-Opinjoni tfasslet mir-relatur Thomas Kattnig u l-korelatur Zsolt Kükedi u ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu.

B’mod ġenerali, il-KESE jappoġġja l-objettivi u l-biċċa l-kbira tal-miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni tonqos milli tintegraha fil-politika ġenerali tal-enerġija u toħloq approċċ silo. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija għandha twassal għal soluzzjonijiet kooperattivi fejn l-utenti jkollhom inċentivi biex jipparteċipaw fis-sistema tal-enerġija diġitalizzata.

Fid-disinn futur tal-infrastruttura tal-enerġija, il-konsumaturi kollha għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ enerġija intelliġenti. “Huwa estremament importanti li jissaħħaħ ir-rwol tal-konsumaturi attivi fid-diġitalizzazzjoni u li jiġu mħeġġa u jkunu jistgħu jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet intelliġenti,” qal is-Sur Kükedi.

Barra minn hekk, is-servizzi ġodda mmexxija mid-data u soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi jirriskjaw li ma jiġux implimentati malajr biżżejjed peress li ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema tas-sengħa u professjonisti mħarrġa biex jgħinu fl-implimentazzjoni tagħhom. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, iridu jiġu adottati miżuri mmirati tal-politika tas-suq tax-xogħol u tal-edukazzjoni. “Neħtieġu approċċ ikkoordinat u kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali. L-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali,” qal is-Sur Kattnig. (mp)