Bil-għan li jibdel is-solidarjetà mal-Ukrajna f’azzjoni konkreta, il-KESE se jingħaqad mal-inizjattiva tal-Parlament Ewropew dwar “ċentru tas-soċjetà ċivili” għall-Ukrajna, li tippermetti lill-NGO Promote Ukraine tuża parti mill-bini tiegħu f’Rue de Trèves 74, flimkien ma’ tagħmir loġistiku.

Iċ-ċerimonja uffiċjali tat-trasferiment saret fil-bini Jacques Delors tal-KESE, fl-20 ta’ April 2022. Il-President tal-KESE, Christa Schweng, tat merħba lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Ukrena, u offritilhom badge simbolika bil-kuluri tal-bandiera tal-Ukrajna li tagħtihom “aċċess liberu”.

Christa Schweng qalet: “Il-KESE, bħala d-dar tas-soċjetà ċivili organizzata fl-UE, qed jiftaħ il-bibien tiegħu għas-soċjetà ċivili organizzata tal-Ukrajna, li hija parti mill-familja Ewropea tagħna. Aħna nappoġġjaw lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha, u qed nibdlu s-solidarjetà tagħna f’azzjoni konkreta. Aħna ninsabu magħqudin biex niddefendu l-valuri komuni tagħna: il-libertà, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt.”

Il-koordinatur tas-soċjetà ċivili Natalia Melnyk enfasizzat li: “L-24 ta’ Frar bidlitilna ħajjitna. Mhux għall-aħjar. Madankollu, ma naċċettawx kondoljanzi. Issa hemm ħafna xi jsir u nittama li f’dan il-bini nkunu nistgħu nagħmlu aktar biex nappoġġjaw lill-Ukreni. Iċ-ċentru huwa miftuħ għall-Ewropej kollha li jixtiequ jappoġġjaw lill-Ukrajna.”

Serghii Tereshko,Viċi Kap tal-Missjoni tal-Ukrajna għall-UE żied jgħid: “Nixtieq nesprimi l-gratitudni tagħna għas-solidarjetà mal-Ukrajna u għar-riżoluzzjoni tal-KESE dwar “Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha”. Grazzi tal-appoġġ tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna biex tgħinna nersqu eqreb lejn l-Unjoni Ewropea. L-aċċess għall-bini huwa l-ewwel pass sabiex nistabbilixxu preżenza Ukrena permanenti fl-istituzzjonijiet Ewropej”.

Marta Barandiy, President tal-NGO Promote Ukraine, enfasizzat li: “L-istituzzjonijiet Ewropej tawna l-ispazju biex nitkellmu. Issa, qed nirċievu l-ispazju biex naħdmu. Spazju biex nikkooperaw mas-soċjetà ċivili Ewropea”.

L-uffiċċji u l-ispazju għall-parkeġġ fil-bini B68 (Rue de Trèves 74), kif ukoll l-appoġġ amministrattiv u loġistiku (tagħmir, stampar u servizzi tal-IT) ser jintużaw biex jiġu kkoordinati l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili tal-Ukrajna. Il-KESE għalhekk qed jiffaċilita x-xogħol tal-NGO, billi jipprovdi dar sigura għal Promote Ukraine fil-qalba tal-Ewropa. (ab/ehp)