European Economic
and Social Committee
Il-membri tal-KESE jwasslu l-għajnuna umanitarja fl-Ukrajna
minn Marcin Nowacki, membru tal-KESE, il-Polonja
Fit-8 Marzu 2022, l-organizzazzjoni tiegħi fil-Polonja (ZPP) u l-Fondazzjoni Kulski (li magħha hija assoċjata l-membru tal-KESE Małgorzata Bogusz) organizzaw konvoj umanitarju żgħir iżda rapidu.
Dan kien it-tieni vjaġġ għal dik il-ġimgħa. Mort Lviv, l-Ukrajna, ma’ Małgorzata Bogusz u Tom Palmer, Viċi President tan-Network Atlas mill-Istati Uniti. L-iskop tal-vjaġġ kien li jiġu pprovduti mediċina u materjali mediċi u iġeniċi lill-Ukrajna. Mgħammra b’żewġ karozzi tal-linja mimlijin, wasalna fil-punt tal-laqgħa indikat mill-kontropartijiet Ukreni tagħna, li jippakkjaw u jqassmu l-prodotti f’postijiet li l-aktar għandhom bżonn.
Il-karozzi tal-passiġġieri u l-karozzi tal-linja ħolqu kju twil u kontinwu tul il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukrajna lejn il-Polonja. Sfortunatament, il-ħtieġa li jiġu evakwati ċ-ċivili mhijiex qed tonqos, iżda qed tikber b’mod sistematiku. Mill-10 Marzu 2022, il-Polonja diġà kienet irċeviet aktar minn 1,5 miljun Ukren.
Fi triqitna lejn Lviv inzertajna diversi punti ta’ kontroll. L-akbar wieħed, protett mill-militar, kien jinsab proprju fid-daħla tal-belt. Kien post vivaċi ħafna, b’ħafna nies għaddejjin iħabirku. Kien hemm bosta mijiet ta’ eluf ta’ nies aktar mis-soltu fil-belt. Lviv bħalissa huwa ċentru ta’ trasferiment u loġistika li jappoġġja lill-Ukrajna Ċentrali u tal-Lvant. Fil-periferija tal-belt iltqajna mal-gwida tagħna li wassalna saċ-ċentru tal-loġistika. Kien hemm tim ta’ nies qed jistennew hemmhekk, u dawn bdew iħottu minnufih. Il-prodotti kollha ġew magħżula u kkatalogati kif suppost. Il-ġestjoni tal-proċess kienet tal-ogħla livell, u wara l-isforzi tagħna sibna ż-żmien biex niskambjaw ideat dwar is-sitwazzjoni attwali u dwar l-akbar ħtiġijiet tal-Ukreni. Ir-residenti ta’ Lviv fetħu djarhom u offrew akkomodazzjoni, ikel u trasport lir-refuġjati minn żoni taħt attakk mir-Russja.
Matul iż-żjara tiegħi, il-kontropartijiet Ukreni tagħna kkomunikawlna r-rakkomandazzjonijiet u l-ħtiġijiet prinċipali tagħhom. Ħdimna flimkien kuljum u nħossni onorat inwassal il-messaġġ tagħhom. Ir-rakkomandazzjonijiet u l-ħtiġijiet tagħhom jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi fundamentali: politiċi, militari u ċivili. Dawk l-aktar urġenti huma:
- Għajnuna finanzjarja u fornimenti ta' tagħmir militari, li huwa kompitu għal gvernijiet u kumpaniji kbar.
- Pressjoni u sanzjonijiet profondi u fuq firxa wiesgħa fuq ir-Russja u l-Belarus. Sanzjonijiet li ma jistgħux jiġu evitati. F’dawn se jkun hemm ukoll spejjeż għalina, u jeħtieġ li naċċettaw dan. Fl-aħħar wasal iż-żmien li niddefinixxu mill-ġdid il-politika tal-enerġija tagħna.
Mill-gvern sal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema, u sas-soċjetà ċivili kollha kemm hi, dawn huma l-azzjonijiet konkreti li huma meħtieġa.
- Appoġġ permezz ta' provvisti ta' prodotti mediċi.
- Il-forniment ta' provvisti oħra meħtieġa speċifikati mill-imsieħba tagħna.
- Appoġġ għall-familji li qed jevakwaw. Fi triqitna lura mill-Ukrajna kellna l-unur nittrasportaw lil dawk li evakwaw l-Ukrajna. L-għażla l-oħra hija li tipparteċipa fl-azzjoni fil-fruntiera u tassisti fit-trasport.
- Jintlaqgħu u jiġu akkomodati familji li jiġu f’pajjiżi tal-UE. Il-pajjiżi tar-reġjun jeħtieġu appoġġ permezz ta’ postijiet fejn ir-rifuġjati joqogħdu – kmamar ta’ riżerva fi djarkom, u fl-appartamenti vojta tagħkom. Fir-rigward tal-Polonja, diġà għandna aktar minn 2,8 miljun refuġjat tal-gwerra.
- Jiġi ssemplifikat il-proċess tat-tfittxija għax-xogħol għal dawk li jistgħu u jixtiequ jaħdmu.
Nixtieq nenfasizza li l-kriżi tar-refuġjati li għadha għaddejja hija bla preċedent fl-istorja moderna tal-Ewropa. Biex nindirizzawha rridu ninvolvu lis-soċjetà ċivili mill-Istati Membri kollha.