Għeżież qarrejja,

Iż-żgħażagħ għandhom rwol vitali fit-tiswir tal-futur tas-soċjetà. L-enerġija, l-entużjażmu u l-perspettivi ġodda tagħhom huma imprezzabbli fl-indirizzar tal-isfidi kumplessi ta’ żminijietna, b’mod partikolari fir-rigward tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Għandna nkunu grati sew għaIl-moviment taż-żgħażagħ għad-dedikazzjoni, il-ħidma iebsa u l-għarfien espert tagħhom espress b’mod elokwenti dwar dawn il-kwistjonijiet.

Rajt mill-ewwel il-passjoni u d-dedikazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima waqt li pparteċipajt fis-summit tan-NU dwar il-klima fi New York, fejn immarċjajt tul Wall Street u Manhattan ma’ Greta Thunberg u l-moviment taż-żgħażagħ. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħi meta ħadt ir-rwol bħala l-Viċi President għall-Komunikazzjoni kien li ngħin biex namplifikaw leħinhom.

Matul is-snin, il-Kumitat ħadem mill-qrib maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-iżvilupp ta’ soċjetà aktar sostenibbli u ekwa permezz ta’ inizjattivi bħall-Premju tas-Soċjetà Ċivili 2022 dwar iż-żgħażagħ u L-Ewropa Tiegħek, Leħnek

L-14-il edizzjoni li jmiss ta’ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”, iddedikata għad-Djalogi dwar id-Demokrazija taż-Żgħażagħ, hija xhieda tal-impenn tal-KESE lejn il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Ninsab eċitat nara r-rakkomandazzjonijiet u l-għarfien tal-istudenti għall-futur tal-Ewropa u nistenna bil-ħerqa li nilqagħhom Brussell f'Marzu.

Jien kburi li kelli rwol, bl-Opinjoni li ktibt, fit-twaqqif tar-Round Tables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà, li jiġbru flimkien iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet tal-UE. Għal-laqgħa tal-bidu f’Lulju 2021 attendew 11-il rappreżentant taż-żgħażagħ u l-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Frans Timmermans. Din l-inizjattiva tat liż-żgħażagħ pjattaforma biex jaqsmu l-ideat u s-soluzzjonijiet tagħhom biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u għenet biex timmobilizza ġenerazzjoni ġdida ta’ attivisti.

Il-KESE jiżgura wkoll li l-vuċijiet taż-żgħażagħ jinstemgħu fit-tfassil tal-politika globali billi jibagħat delegat/a żagħżugħ/a għal-laqgħat tal-UNFCCC bħala membru addizzjonali tad-delegazzjoni tal-KESE. Sophia Wiegand kienet id-delegata żagħżugħa tal-KESE għall-COP26 u l-COP27.

Meta nħares lura lejn iż-żmien tiegħi bħala Viċi President tal-KESE, nimpressjona ruħi bid-determinazzjoni u l-enerġija taż-żgħażagħ li kelli l-privileġġ naħdem magħhom. It-trainees żgħażagħ tagħna, b’mod partikolari, kienu sors ta’ ispirazzjoni. Il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-KESE kienet ta’ vantaġġ siewi għall-Kumitat, u aħna kburin li nkunu parti mill-vjaġġ tagħhom lejn il-kisba tal-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex isiru ċittadini u mexxejja attivi fil-komunitajiet tagħhom. Huwa permezz ta’ inizjattivi bħas-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023 li nistgħu nkomplu nrawmu u niżviluppaw it-talenti tal-ġenerazzjoni li jmiss u nipprovdulhom l-għodod u l-għarfien li jeħtieġu biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-futur.

Ninsab kuntent bil-progress li għamilna fl-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika. Madankollu, għad hemm ħafna xogħol xi jsir. Ninsab fiduċjuż li se nkomplu nibnu fuq dawn l-isforzi biex niżguraw li l-vuċijiet taż-żgħażagħ jinstemgħu u li nieħdu azzjoni urġenti biex nindirizzaw il-kriżi klimatika. Il-futur tal-pjaneta tagħna u s-soċjetajiet tagħna jiddependu minn dan.

Cillian Lohan

Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni