Peress li l-iskarsezza tal-ilma u t-tniġġis qed ikomplu joħolqu sfidi globali, il-qafas ta’ politika attwali tal-UE jidher li mhuwiex biżżejjed. Biex jindirizzaw dan, għadd ta’ esperti tal-ogħla livell dwar l-ilma ltaqgħu fil-KESE fis-27 ta’ Frar biex jidentifikaw soluzzjonijiet potenzjali. Is-seduta tinawgura l-ħidma tal-KESE dwar l-ilma. 

Il-KESE qed iħejji sensiela ta’ Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja u, fil-ħarifa, se jaqsam ir-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-futur tal-ilma fl-UE.

Fis-sajf tal-2022, l-Ewropa esperjenzat l-aktar nixfiet severi f’dawn l-aħħar 500 sena. Minkejja li l-Patt Ekoloġiku tal-UE għandu proposti li jindirizzaw kwistjonijiet dwar l-ilma, dawn l-objettivi mhumiex integrati sew fil-politiki kollha tal-UE. Hemm bżonn ta’ bidla fl-iskala biex jiġu evitati l-iżbalji li saru qabel fil-politika tal-enerġija. 

Il-President tal-KESE, Christa Schweng, qalet: “L-UE għandha l-opportunità li tkun minn ta’ quddiem nett fil-qasam tal-ilma.”

Barra minn hekk, dan l-aħħar il-Parlament Ewropew talab strateġija komprensiva tal-UE dwar l-ilma Pernille Weiss, President tal-Grupp ta’ Membri tal-Parlament Ewropew dwar l-Ilma, qalet: “Nittama li l-Ewropa ssir xempju ta’ kif nieħdu ħsieb ir-riżorsi tal-ilma.”

Il-KESE se jħabrek favur strateġija komprensiva tal-UE dwar l-ilma permezz ta’ sensiela ta’ Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, inklużi proposti dwar il-ħarsien tar-riżorsi ta’ ilma nadif; l-antiċipazzjoni u l-mitigazzjoni tal-effetti tal-kunflitti internazzjonali kkawżati minn kwistjonijiet relatati mal-ilma; u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma.

Pietro Francesco De Lotto, President tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), ġibed l-attenzjoni għad-dimensjoni industrijali tal-ilma: “It-teknoloġija effiċjenti fl-użu tal-ilma tagħmel parti importanti mis-soluzzjoni li neħtieġu, mhux biss għall-industrija, iżda għas-soċjetà kollha kemm hi.”

Salla Saastamoinen, Deputat Direttur Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), qalet: “Il-JRC jikkondividi l-ambizzjoni tal-KESE favur approċċ olistiku għall-ġestjoni tal-ilma.”

Oliver Röpke, President tal-Grupp tal-Ħaddiema fil-KESE, saħaq fuq l-importanza tal-ilma bħala dritt tal-bniedem: “Is-solidarjetà u s-sostenibbiltà għandhom ikunu fil-qalba tas-soluzzjonijiet tagħna.” (gb)