European Economic
and Social Committee
In-Network għall-Iżvilupp Sostenibbli jwissi dwar ir-riskju ta’ “deċennju mitluf għall-Aġenda 2030”
Dibattitu li sar fil-KESE fl-24 ta’ Jannar wera li l-UE qed tonqos milli tilħaq l-objettivi tal-Aġenda 2030 tan-NU. Madankollu, għad hemm tama. L-UE għandha l-opportunità li tieħu rwol ta’ tmexxija, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju. Il-KESE għandu rwol importanti fil-monitoraġġ tal-progress.
Waqt il-plenarja ta’ Jannar, il-KESE ospita dibattitu ma’ Guillaume Lafortune, Viċi President tan-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (UN SDSN), dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).
Is-Sur Lafortune ppreżenta r-Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ewropa 2022, li tfassal bl-appoġġ tal-KESE. Skont is-Sur Lafortune, l-UE mhux qed tilħaq l-objettivi. Fl-istess ħin, il-progress qed imur lura madwar id-dinja, u b’mod partikolari, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jaffaċċjaw restrizzjonijiet ta’ finanzjament, għadhom lura.
Ir-rapport jirrakkomanda li l-UE tappoġġja, fl-ambitu tan-Nazzjonijiet Uniti, sistema għal pjan globali sabiex jiżdied il-finanzjament internazzjonali għall-SDGs. Il-President tal-KESE Christa Schweng tenniet din l-idea billi enfasizzat fuq l-importanza li l-UE jkollha rwol ta’ tmexxija fil-kisba tat-trasformazzjonijiet globali.
Il-KESE se jkollu wkoll rwol fundamentali fl-Ewwel Rieżami Volontarju tal-Kummissjoni Ewropea li huwa previst f’Lulju 2023, billi se jiġbor il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-progress fil-qasam tal-SDGs. Il-KESE rrakkomanda approċċ trasversali fir-rigward tal-għanijiet, billi titqies in-natura interrelatata tal-SDGs u l-miri rispettivi tagħhom, u ppropona t-tnedija ta’ pjattaforma ġdida biex jitrawwem l-involviment strutturat tas-soċjetà ċivili dwar il-politika relatata mal-SDGs. (gb)