European Economic
and Social Committee
Is-suq uniku għandu jservi lin-nies, u mhux bil-maqlub
Sabiex ifakkar it-30 anniversarju tas-suq uniku tal-UE din is-sena, il-KESE ospita dibattitu mal-Kummissarju Margrethe Vestager waqt is-sessjoni plenarja ta’ Jannar, biex jiġu diskussi modi kif tista’ tingħeleb dik li tista’ tkun l-akbar sfida għall-ġenerazzjoni li jmiss.
Is-suq uniku huwa meqjus b’mod ġenerali li huwa l-akbar kisba tal-UE. Madankollu, il-kriżijiet attwali, bħat-tibdil fil-klima, il-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, urew il-vulnerabbiltà tiegħu minħabba t-tfixkil mhux previst. Kif niksbu t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali fl-UE mingħajr ma niksru l-prinċipji tas-suq ħieles u nagħmlu ħsara lill-kompetittività tan-negozji Ewropej? Il-Kummissjoni fasslet pjan biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet li se tvarah fi Frar.
Fil-plenarja tiegħu ta’ Jannar, il-KESE ssuġġerixxa modi speċifiċi kif jista’ jiġi żviluppat aktar is-suq uniku, u rrakkomanda li fl-istess ħin għandu jkun hemm enfasi fuq il-kompetittività tal-Ewropa. Il-President tal-KESE Christa Schweng qalet: “Ewropa kompetittiva biss tista’ toħloq prosperità u benesseri, kif ukoll toffri soluzzjonijiet sostenibbli għall-problemi klimatiċi u ambjentali. Huwa fundamentali li n-negozji tal-UE jingħataw ambjent favorevoli sabiex ikunu jistgħu jinnovaw, jinvestu u jinnegozjaw, kif ukoll li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-kompetituri barranin”.
Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Margrethe Vestager tirrikonoxxi li l-UE jeħtieġ li tkompli taħdem fuq is-suq uniku, u fakkret li “l-Ewropa kienet tkun post kompletament differenti li kieku tletin sena ilu ma nħoloqx is-suq uniku”.
Wieħed mill-elementi ewlenin tad-dibattitu kien il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-irkupru ekonomiku u għat-tranżizzjoni doppja. Hemm biża’ dejjem tikber li din it-tip ta’ għajnuna se tpoġġi lill-ekonomiji ż-żgħar u lill-kummerċ globali f’riskju jekk ma tkunx limitata għal stimolu għal terminu qasir.
Id-dibattitu ngħalaq bi stqarrijiet mill-President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE Séamus Boland, mill-President tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE Oliver Röpke, u mill-membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem Felipe Medina. (tk)