European Economic
and Social Committee
Ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola fost iż-żgħażagħ Roma hija ta’ 64 % meta mqabbla ma’ 19 % fil-popolazzjoni ġenerali, u 78 % m’għandhomx ħiliet bażiċi peress li qatt ma temmew l-edukazzjoni obbligatorja. Ir-rati tal-qgħad taż-żgħażagħ Roma huma tliet darbiet ogħla minn dawk tal-pari tagħhom fil-bqija tas-soċjetà. Il-programm Learning by Doing, żviluppat mir-rebbieħ tagħna fil-kategorija taż-żgħażagħ, Fundación Secretariado Gitano, Spanja, qed jiġġieled biex ibiddel dan. Il-programm joffri liż-żgħażagħ Roma opportunità biex jiksbu esperjenza ta’ xogħol u jirċievu taħriġ f’kumpaniji ewlenin li ssieħbu fl-inizjattiva. Ir-riżultati diġà qegħdin hemm: 55 % minn madwar 3 500 żagħżugħ Roma li ħadu sehem fil-programm kisbu impjieg u 32 % marru lura l-iskola.
L-edukazzjoni ta’ studenti żgħażagħ fis-Superpower School, programm ta’ volontarjat immexxi mir-rebbieħ tagħna mill-Portugall, Movimento Transformers, ma tispiċċax hemm. Għandhom “jagħtu lura” lill-komunità dak li tgħallmu. Jagħmlu dan billi jidentifikaw problema soċjali u jsolvuha bit-talent jew “superpotenza” li jkunu kisbu. Għalkemm l-istudenti tas-Superpower School – l-aktar tfal u żgħażagħ f’riskju ta’ esklużjoni soċjali – għandhom klassijiet ta’ kull ġimgħa li fihom jistgħu jiżviluppaw talenti bħat-tisjir, il-fotografija, il-kitba kreattiva jew l-iskejzjar, il-mentors tagħhom jaħdmu wkoll magħhom biex jiżviluppaw ħiliet differenti u jgħallmuhom dwar valuri bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, is-sostenibbiltà ambjentali jew soċjali u l-komunikazzjoni pożittiva. Madwar 80 % ta’ dawk li attendew is-Superpower School jgħidu li issa jafu aħjar x’għandhom jagħmlu fil-ħajja u 30 % waqfu jirċievu marki ħżiena.
The Care Leavers Network tnieda mir-rebbieħ Taljan tagħna, l-organizzazzjoni volontarja Agevolando, bħala proġett sperimentali implimentat fir-reġjun tal-Emilia Romagna tal-Italja fl-2014. Illum dan huwa proġett nazzjonali, preżenti fi 12-il reġjun Taljan. Sal-lum involva 500 żagħżugħ li jitilqu mill-kura minn madwar l-Italja, li ħarġu b’suġġerimenti għall-innovazzjoni fis-sistema tal-kura u taw impulsi ġodda lill-politiki nazzjonali li għandhom jgħinu liż-żgħażagħ iqumu bis-sod fuq saqajhom ladarba jitilqu mis-sistema. Waħda mill-kisbiet tagħhom hija l-Fond Sperimentali Nazzjonali għal dawk li jitilqu mill-kura, li jipprovdi appoġġ konkret għaż-żgħażagħ sa 21 sena.
Ir-rebbieħ tal-ewwel premju tagħna għall-Ukrajna, l-assoċjazzjoni Rumena SUS INIMA, ibbażat il-mudell tagħha ta’ integrazzjoni tar-refuġjati fuq kwestjonarju sempliċi li fih mistoqsijiet dwar kwistjonijiet differenti bħall-edukazzjoni, is-servizzi mediċi, l-aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi, il-kwalità ġenerali tal-ħajja eċċ. Ladarba tikseb it-tweġibiet tiżviluppa attivitajiet u inizjattivi biex tissodisfa l-ħtiġijiet li qed jevolvu kif iddikjarati minn dawk li wieġbu. Din bniet fiduċja bejn is-soċjetà ospitanti u r-refuġjati u malajr ippermettiet li dawn tal-aħħar isiru membri tal-komunità.
“You are in a Safe Place” mhuwiex biss l-isem tal-fond ta’ emerġenza Spanjol għat-tfal Ukreni bil-kanċer li reġgħu bdew il-kura medika tagħhom f’Barċellona wara li l-gwerra waslet f’pajjiżhom. Huwa wkoll l-ewwel frażi li qalu l-membri tal-fondazzjoni Villavechia, l-assoċjazzjoni li topera l-fond, lill-ommijiet u membri oħra tal-familja ta’ 16-il pazjent żagħżugħ bil-kanċer meta waslu f’Barċellona f’nofs Marzu 2022. Biex il-frażi ssir realtà, il-fondazzjoni Villavecchia ngħaqdet ma’ ħafna sptarijiet, voluntiera u entitajiet oħra biex tiżgura li pazjenti żgħażagħ u l-familji tagħhom jiġu kkurati u appoġġjati bl-aħjar mod possibbli.
L-assoċjazzjoni Pollakka tal-iscouts u l-gwidi (PSGA) ilha tgħin b’mod attiv lir-refuġjati Ukreni mill-ewwel jum li attakkat ir-Russja. L-iscouts tagħha kienu preżenti f’sitt punti ta’ qsim tal-fruntiera, u matul l-ewwel xahar tal-gwerra għenu direttament lil aktar minn 1,5 miljun refuġjat. B’mod ġenerali, minn madwar tliet miljun ċivili Ukreni li ħarbu mill-pajjiż lejn il-Polonja, wieħed minn kull tlieta rċieva assistenza f’ċentri mmexxija minn scouts u wieħed minn kull ħames tifel u tifla pparteċipaw f’attivitajiet immexxija mill-iscouts. Matul l-ewwel xhur is-servizz tal-volontarjat kien ipprovdut 24 siegħa kuljum. Il-PSGA ġabar ukoll 127 tunnellata ta’ għajnuna, li ntbagħtet lill-Ukrajna. (ll)