KUN PARTI MIS-SOLUZZJONI, U MHUX PARTI MILL-PROBLEMA!

Għeżież qarrejja,

Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili l-iżjed reċenti kien iddedikat għal tema li huwa partikolarment importanti għalija – l-azzjoni klimatika.
Wieħed għandu jassumi li llum il-ġurnata ir-realtà tal-kriżi klimatika saret fatt ovvju għal kulħadd u li d-dinja kollha ngħaqdet biex tistinka biex tevita l-qerda tagħha stess. Iżda għalkemm saru ħafna sforzi f’din id-direzzjoni, għad m’aħniex qed nagħmlu biżżejjed.

Huwa għalhekk li huwa importanti li nkomplu ntennu li t-tibdil fil-klima qed jersaq lejn il-punt fejn ma hemmx triq lura u jista’ jhedded l-eżistenza tad-dinja kif nafuha.

Huwa għalhekk li qatt ma nista’ nieqaf nisħaq dwar kemm huwa importanti li ngħaqqdu l-forzi kollha tagħna biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima. U hija responsabbiltà li ħadd minnha ma jista’ jaħrab minnha.

Il-KESE jemmen li s-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – li jimpenja lill-UE tikseb in-newtralità klimatika sal-2050 – jiddependi mill-azzjoni u l-impenn mill-atturi kollha. L-organizzazzjonijiet lokali u l-individwi għandhom rwol kritiku biex jgħinu għal bidla fin-normi u fl-imġiba, biex l-ekonomiji lokali jsiru aktar ekoloġiċi jew biex imexxu t-tranżizzjoni fil-livell lokali jew reġjonali.

Billi jiddedika l-Premju tas-Soċjetà Ċivili tal-2021 lill-azzjoni klimatika, il-KESE xtaq jonora u jixħet dawl fuq l-isforzi klimatiċi mhux statali li saru s’issa.

Fittixna r-rebbierħa minn fost proġetti li jsostnu tranżizzjoni ġusta u ekoloġika lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju. L-objettiv kien li nħeġġu proġetti attwali u nispiraw uħud ġodda, u nemmen li dan l-għan ilħaqnieh!

Irċevejna rikkezza ta’ ideat li jagħtuna tama li forsi nistgħu nirbħu din il-battalja. Irċevejna proġetti mill-irkejjen kollha tal-Ewropa fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima b’modi ta’ ispirazzjoni u kreattivi. Ma kienx faċli li jintgħażlu r-rebbieħa u nħossu li kull wieħed mill-kandidati tagħna jistħoqqlu rikonoxximent. Tistgħu taqraw iktar dwarhom fil-fuljett tagħna ddedikat għall-premju ta’ din is-sena.

Iddeċidejna li nippremjaw ħames proġetti, il-ħamsa li huma impressjonanti bil-mod tagħhom, u li jindirizzaw uħud mill-kwistjonijiet l-iżjed urġenti li qed niffaċċjaw meta nitkellmu dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija u soċjetà newtrali għall-klima.

Permezz tal-ħidma importanti tagħhom, il-ħames rebbieħa tagħna qed iħeġġu investimenti sostenibbli u jixħtu dawl fuq ir-rwol ta’ valur tal-ġenerazzjonijiet iktar anzjani; qed jindirizzaw il-faqar enerġetiku billi jagħtu vuċi lill-foqra fl-enerġija; qed jagħmlu l-ekonomija ċirkolari fuq il-post filwaqt li fl-istess ħin jippromovu b’mod attiv il-ġustizzja soċjali; qed jiġġieldu t-tisħin urban billi jniedu applikazzjonijiet inventivi u interattivi jew ilaqqgħu flimkien l-atturi kollha fit-tranżizzjoni enerġetika, fejn jimbuttawhom biex ikollhom dibattiti ta’ stoffa u jsibu soluzzjoni plawżibbli.

Fiċ-ċerimonja tal-premjazzjoni li saret fid-9 ta’ Diċembru fi Brussell, għalhekk ħassejtni tabilħaqq privileġġjat li jkolli l-unur li nagħti l-premji lill-ħames rebbieħa tagħna. F’din il-ħarġa tista’ taqra aktar dwar il-proġetti fantastiċi tagħhom u tista’ ssir tafhom b’mod iktar personali fl-intervisti li għamilna magħhom. Ser nibdew inxandru podcast fejn kull wieħed minnhom ser jgħidilna dwar il-pjani futuri tagħhom u kif il-premju tal-KESE mmotivahom biex ikomplu b’ħidmiethom.

F’din il-ħarġa tistgħu taqraw ukoll dwar wieħed mir-rebbieħa tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili tal-2020 li ngħata premju tal-klima prestiġġjuż fir-Renju Unit. Emozzjonajna ruħna speċjalment meta smajna kif il-premju tal-KESE għamel differenza għalihom, għaliex ippermettielhom ikomplu bil-proġetti tagħhom u jibdew proġetti ġodda, li minħabba fihom qed jiġu mfaħħra u rikonoxxuti. Dan jagħmilna mhux biss kburin iżda wkoll dejjem iżjed determinati li nkomplu l-premju tagħna u li nixħtu dawl fuq il-ħidma fantastika li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u individwi qed jagħmlu fuq il-post rigward diversi kwistjonijiet u madwar l-Unjoni Ewropea tagħna!

Nixtiqilkom il-qari t-tajjeb u ftakru – kollha kemm aħna rrid nikkontribwixxu għal din il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, ikun kemm ikun żgħir jew kbir l-isforz jew is-sagrifiċċju tagħna. Aħna lkoll parti mis-soluzzjoni, ejjew nieqfu nkunu parti mill-problema!

Cillian Lohan
Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni