• Ir-rebbieħa tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2021, l-assoċjazzjoni “Nanniet għall-Klima”, għandha ħafna ambaxxaturi li jappoġġjaw il-ħidma tagħha. Ħafna minnhom huma magħrufa sew, iżda l-ambaxxatriċi l-aktar famuża tagħha hija Jane Goodall, ir-riċerkatriċi legendarja tax-ximpanżi u l-esperta ewlenija fid-dinja dwar l-ispeċi. Is-Sinjura Goodall intgħażlet bħala l-100 ambaxxatriċi tan-“Nanniet għall-Klima” f’Ottubru 2020.


• Kull kompjuter li, minflok jintrema’, jiġi rikondizzjonat, jiffranka 144 kg ta’ CO2. Bejn l-2008 u l-2021, ir-rebbieħ Rumen tagħna, “Workshop mingħajr fruntieri”, irrikondizzjona u ta kważi 25 000 kompjuter – ipprova kkalkula kemm iffrankaw kg ta’ CO2 s’issa!


• Il-proġett “Hot Spots” tar-rebbieħ Sloven tagħna jindirizza l-gżejjer ta’ sħana urbana f’Ljubljana li, kif urew il-projezzjonijiet urbani reċenti, hija destinata li ssir il-belt li qed tisħon l-aktar malajr fid-dinja. Skont il-projezzjonijiet, it-temp f’Ljubljana fl-2050 se jkun jixbah lil dak ta’ Virginia Beach, l-Istati Uniti. L-istess destin jistenna lill-Ewropa Ċentrali kollha u lill-Balkani, li huma mistennija li jaraw l-aktar żidiet notevoli fit-temperatura, bil-klima fir-reġjun issir tixbah lil dik tal-bliet ta’ Texas fl-Istati Uniti.

• L-assoċjazzjoni Spanjola “Inġiniera mingħajr fruntiera Katalonja” tiġġieled kontra l-faqar enerġetiku, billi tagħti vuċi lil dawk li jbatu l-faqar enerġetiku, li jirrappreżentaw il-11 % tal-unitajiet domestiċi Spanjoli kollha. Iċ-ċifri juru li aktar nies Spanjoli jmutu qabel iż-żmien minħabba l-faqar enerġetiku milli bl-inċidenti tal-karozzi. Fl-2019, l-għadd ta’ Ewropej li jmutu kull sena minħabba dar kiesħa kien ta’ 100 000, u aktar minn 50 miljun persuna kienu qed jgħixu fi djar b’saqaf li jqattar, u b’ħitan jew artijiet umdi. L-istess sena, qrib it-80 miljun persuna fl-UE ħallsu l-kontijiet tal-utilità tagħhom tard jew ma felħux iħallsuhom.

• Ir-rebbieħ tagħna, in-network ta’ NGOs ambjentali Estonjani, qed jippromovi l-bidla lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli billi jorganizza djalogi kostruttivi bejn il-partijiet interessati kollha. Il-pijunier tal-UE fil-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli huwa l-Iżvezja, għalkemm kemm in-Norveġja kif ukoll l-Iżlanda s’issa kellhom sehem ogħla ta’ sorsi rinnovabbli fil-provvista tal-enerġija primarja, filwaqt li Malta tinsab fil-qiegħ tal-lista mill-pajjiżi kollha tal-UE.