European Economic
and Social Committee
Id-dimensjoni finanzjarja tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha mhijiex viżibbli fil-politiki tal-UE
Il-KESE kellu dibattitu fil-plenarja tiegħu ta’ Diċembru dwar ir-rwol tal-politiki finanzjarji u ta’ rkupru pubbliku fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa fl-UE. Id-diskussjoni kienet marbuta mal-adozzjoni ta’ żewġ Opinjonijiet: waħda dwar approċċ ibbażat fuq il-ġeneru għall-ibbaġitjar u l-investiment, u l-oħra dwar kif l-Istati Membri jistgħu jtejbu l-mod kif il-miżuri diretti u indiretti proposti fil-pjani nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP) jaffettwaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha l-bogħod milli tkun realtà fl-Ewropa, speċjalment fir-rigward tal-emanċipazzjoni ekonomika u l-aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-finanzjament. “Ma nistgħux nippermettu li ninjoraw il-potenzjal tan-nisa fl-irkupru ta’ wara l-pandemija. L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri trid issir realtà fil-pjani nazzjonali għall-irkupru, kif ukoll fil-politika makroekonomika u l-iżvilupp globali,” qalet il-President tal-KESE Christa Schweng hija u tiftaħ id-dibattitu.
Maria Nikolopoulou, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Investimenti abbażi tal-ġeneru fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, żiedet tgħid: “L-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhijiex biss kwistjoni tan-nisa: tibbenefika lil kulħadd. Il-parteċipazzjoni kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija kruċjali sabiex jiġu identifikati l-oqsma li jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-baġit.”
Ody Neisingh, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Investiment b’perspettiva tal-ġeneru, qalet: “L-aspett finanzjarju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadu mhux viżibbli fil-politiki tal-UE. Għalkemm l-investiment b’perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru qed jiġu kkunsidrati dejjem aktar minn dawk li jfasslu l-politika, għad hemm nuqqas ta’ enfasi sistemika”.
Fl-aħħar, Cinzia Del Rio, korelatur tal-Opinjoni dwar l-Investimenti b’perspettiva tal-ġeneru, ikkummentat dwar il-miżuri bbażati fuq il-ġeneru fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza: “Għandha tingħata prijorità lill-intensifikazzjoni ta’ miżuri diretti u indiretti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-implimentazzjoni tal-RRPs. Dan jirrikjedi politiki pubbliċi mmirati, u kanali ċari u sostenibbli ta’ investiment bi pjanar tar-riżorsi fuq perjodu ta’ żmien medju u twil”. (tk)