minn Florian Marin

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed jipproponi li l-qafas il-ġdid tal-UE għall-monitoraġġ tal-foresti għandu jkun sostenibbli, kosteffettiv u operazzjonalment fattibbli. Għandu jkun ukoll f’waqtu, sikur, dinamiku, inklużiv u parteċipattiv sabiex jippermetti kooperazzjoni mill-qrib bejn ix-xjenza u l-prattika flimkien ma’ ppjanar aħjar u tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza.

minn Florian Marin

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed jipproponi li l-qafas il-ġdid tal-UE għall-monitoraġġ tal-foresti għandu jkun sostenibbli, kosteffettiv u operazzjonalment fattibbli. Għandu jkun ukoll f’waqtu, sikur, dinamiku, inklużiv u parteċipattiv sabiex jippermetti kooperazzjoni mill-qrib bejn ix-xjenza u l-prattika flimkien ma’ ppjanar aħjar u tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza.

Huwa kruċjali li tiġi żgurata l-komplementarjetà u tiġi evitata d-duplikazzjoni tad-data diġà koperta mil-leġiżlazzjoni eżistenti bħall-politiki dwar il-klima u l-arja, ir-regolamenti dwar il-bijodiversità u l-Politika Agrikola Komuni.

Fir-rigward tat-tibdil fil-klima, hemm bżonn ta’ data fit-tul flimkien ma’ data dwar l-iżvilupp rurali, l-ekonomija ċirkolari u x-xjenza. Huwa importanti li jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-istess granularità, teknoloġija u frekwenza speċjalment meta tkun qed tinġabar data addizzjonali fl-Istati Membri kollha tal-UE. It-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-evitar ta’ burokrazija eċċessiva bħal ġbir u rappurtar ta’ data multipla għandhom ikunu ta’ tħassib kontinwu. L-istess livell ta’ importanza għandu jingħata lid-data forestali mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.

Ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed l-importanza li jiġu rispettati d-drittijiet tal-proprjetà privata u s-sjieda tad-data, b’mod partikolari fil-qafas tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fuq kollox, għandu jkun l-interess pubbliku li għandu jipprevali fl-infrastruttura tad-data dwar il-foresti.

Kull Stat Membru tal-UE li jibbenefika mill-foresti għandu jkollu pjan fit-tul dwar il-foresti li jikkomplementa strateġiji oħra dwar il-foresti u l-injam, li jiżgura tqabbil perfett mal-SDGs. Fl-istess ħin li jitqiesu l-valuri multilaterali tal-foresti, l-aspetti soċjali u ekonomiċi għandhom jiġu inklużi fl-istruttura tal-pjani dwar il-foresti flimkien mal-prinċipju tas-sħubija u l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjani fit-tul dwar il-foresti.

Ir-rwol tal-Kumitat Forestrarju Permanenti għandu jissaħħaħ u għandu jinkludi atturi rilevanti mis-soċjetà ċivili.

minn Christian Moos

It-tħassib dwar l-influwenza malizzjuża minn stati ostili bħar-Russja huwa kompletament ġustifikat. Kien hemm diversi eżempji ta’ self favorevoli għal partiti tal-lemin estrem, pożizzjonijiet fuq bordijiet superviżorji għal eks politiċi, kuntratti fajdin għal intraprendituri dubjużi u l-finanzjament tas-suppost NGOs.

minn Christian Moos

It-tħassib dwar l-influwenza malizzjuża minn stati ostili bħar-Russja huwa kompletament ġustifikat. Kien hemm diversi eżempji ta’ self favorevoli għal partiti tal-lemin estrem, pożizzjonijiet fuq bordijiet superviżorji għal eks politiċi, kuntratti fajdin għal intraprendituri dubjużi u l-finanzjament tas-suppost NGOs.

Għalhekk, tabilħaqq jeħtieġ li nkunu viġilanti ħafna fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej. Madankollu, minkejja li għamel xi rakkomandazzjonijiet tajbin lill-Istati Membri, il-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija wasal tard wisq. L-ewwel nett, il-Kummissjoni nediet il-pakkett tard. Imbagħad, fil-bidu tas-sajf tal-2023, ipposponietu b’aktar minn sitt xhur minħabba li l-kritika tal-proposta leġiżlattiva li l-pakkett kellu jinkludi kienet qawwija ħafna u, fuq kollox, unanima.

Madankollu, il-pakkett ippubblikat f’Diċembru kkonferma l-agħar biżgħat. Id-Direttiva proposta tistigmatizza lill-NGOs li jirċievu fondi minn gvernijiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE, bħall-Istati Uniti. Il-proposta waħedha sservi bħala ġustifikazzjoni għal gvernijiet awtoritarji li jużaw liġijiet dwar aġenti barranin biex jippruvaw isikktu kwalunkwe oppożizzjoni demokratika.

Apparti dan, id-definizzjonijiet tad-Direttiva huma vagi u hemm lakuni enormi għall-aġenti attwali ta’ Moska. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata qed jistaqsu għaliex il-Kummissjoni mhijiex qed tistabbilixxi reġistru ġenerali ta’ trasparenza li jkopri lir-rappreżentanti kollha ta’ gruppi ta’ interess, ikun kompatibbli mal-liġijiet eżistenti fil-livell nazzjonali u joħloq bażi legali ċara u sigura għall-partijiet interessati kollha.

Il-Kummissjoni għandha tirtira dan l-abbozz ta’ direttiva u tieħu approċċ aktar komprensiv għall-abbozz li jmiss fl-2025 li ma jkunx jinkludi dak li eżattament iridu l-għedewwa tad-demokrazija.

Il-mistieden sorpriża tagħna huwa Bruno Kaufmann, Ambaxxatur tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, għodda unika li idealment tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jipproponu liġijiet ġodda tal-UE. Huwa jagħti r-raġunijiet għaliex l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija ta’ importanza tremenda u għaliex xi darba, jekk tirnexxi, tista’ titqies bħala waħda mill-aktar kisbiet demokratiċi impressjonanti minn mindu sar progress fil-vot universali u ugwali fis-seklu 20.

Il-mistieden sorpriża tagħna huwa Bruno Kaufmann, Ambaxxatur tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, għodda unika li idealment tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jipproponu liġijiet ġodda tal-UE. Huwa jagħti r-raġunijiet għaliex l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija ta’ importanza tremenda u għaliex xi darba, jekk tirnexxi, tista’ titqies bħala waħda mill-aktar kisbiet demokratiċi impressjonanti minn mindu sar progress fil-vot universali u ugwali fis-seklu 20.

Bruno Kaufmann huwa xjenzjat politiku Żvediż u ġurnalist li kiteb pubblikazzjonijiet aċċessibbli f’aktar minn 40 lingwa dwar id-demokrazija moderna diretta u rappreżentattiva. Huwa l-Korrispondent tad-Demokrazija Globali fi ħdan SWI swissinfo.ch, is-servizz internazzjonali tal-Kumpanija Żvizzera tax-Xandir u jkopri Affarijiet tat-Tramuntana tal-Ewropa għar-radju u t-TV tas-servizz pubbliku Żvizzeru. Bruno huwa kofundatur u membru tal-bord ta’ organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għad-demokrazija bħall Initiative and Referendum Institute, Democracy International u Global Forum on Modern Direct Democracy. Huwa d-Direttur tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fi ħdan il-Fondazzjoni Żvizzera għad-Demokrazija.

Aktar minn 100 żagħżugħ u żagħżugħa mill-UE, mill-pajjiżi kandidati u mir-Renju Unit inġabru għal L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!, fejn qasmu l-viżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Hekk kif l-elezzjonijiet tal-UE qed joqorbu, L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2024 tagħti prijorità lill-ġlieda kontra d-diżimpenn u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.

Aktar minn 100 żagħżugħ u żagħżugħa mill-UE, mill-pajjiżi kandidati u mir-Renju Unit inġabru għal L-Ewropa Tiegħek, Leħnek!, fejn qasmu l-viżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Hekk kif l-elezzjonijiet tal-UE qed joqorbu, L-Ewropa Tiegħek, Leħnek 2024 tagħti prijorità lill-ġlieda kontra d-diżimpenn u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.

Rakkomandazzjonijiet ewlenin:

  1. Tiġi introdotta kwota għaż-żgħażagħ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
  2. Tiġi approvata direttiva li tagħti mandat lid-drittijiet tal-bniedem u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-ktajjen tal-provvista u fl-operazzjonijiet korporattivi.
  3. Jiġi stabbilit qafas legali għall-media soċjali biex jiġu miġġielda l-polarizzazzjoni u d-diżinformazzjoni.
  4. Tiġi żviluppata strateġija standardizzata dwar id-drittijiet sesswali u riproduttivi.
  5. Jiġu implimentati linji gwida speċjali dwar it-tassazzjoni għall-oġġetti li jagħmlu ħsara lill-klima, bir-rikavati jiffinanzjaw inizjattivi li ma jagħmlux ħsara lill-klima.

Dawn il-proposti ser jitressqu quddiem l-istituzzjonijiet tal-UE u dawk li jfasslu l-politika u ser jikkontribwixxu għar-riżultati tal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili u għal Riżoluzzjoni tal-KESE dwar l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. (gb)

Hemm ħafna x’tilmenta dwar l-istat tad-demokrazija b’mod ġenerali, u dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) b’mod partikolari.

Hemm ħafna x’tilmenta dwar l-istat tad-demokrazija b’mod ġenerali, u dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) b’mod partikolari.

Skont l-aktar “Rapport dwar id-Demokrazija Dinjija” reċenti ppreżentat minn “Varjetajiet tad-Demokrazija” fis-7 ta’ Marzu, il-perċentaġġ ta’ persuni li jgħixu f’demokraziji naqas meta jitqabbel ma’ kważi 40 sena ilu. U minkejja li din is-sena fid-dinja kollha, in-numru ta’ persuni eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjonijiet huwa iktar minn qatt qabel, għadd kbir ta’ pajjiżi li qed jospitaw dawk l-elezzjonijiet qed isiru aktar awtokratiċi.

Kien hemm ilmenti dwar din is-sitwazzjoni anke matul l-ewwel edizzjoni tal-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili organizzata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fil-bidu ta’ Marzu. Dawn l-ilmenti kienu jikkonċernaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, l-ewwel għodda demokratika diretta transfruntiera fid-dinja. “Ikkumplikata wisq”, “xejn mhi attraenti,” “ma tantx hemm hemm fiduċja,” “ineffiċjenti” u “ftit magħrufa” – dawn huma biss ftit mill-fehmiet li ma tantx huma sbieħ li l-partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili, mill-media, mill-akkademja u mill-amministrazzjoni għandhom dwar l-IĊE.

Naħseb li dawn il-valutazzjonijiet kritiċi ħafna mhux biss huma korretti b’mod skoraġġanti, iżda huma wkoll wkoll kawti u moderati wisq fil-kritika tagħhom. Id-demokrazija jistħoqqilha dominanza dinjija. Biex niksbu dan, aħna, bħala ċittadini u votanti eliġibbli fuq din il-pjaneta bħalissa, għandna nimmiraw fl-għoli biex niksbu aktar milli għandna bħalissa. 

Dan ifisser li nagħmlu aktar milli nillimitaw ruħna bid-difiża kontra l-biża’, id-dittaturi tal-lum u s-segwaċi kodardi tagħhom. Jeħtieġ li nieħdu passi ferm akbar ’l quddiem. L-iżvilupp ulterjuri tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ikun pass bħal dan.

Għax x’tikkonsisti fil-prattika l-IĊE? Fi tliet affarijiet. Dritt, strument u għodda li qatt ma eżistiet fi kwalunkwe ħin ieħor fl-istorja jew fi kwalunkwe post ieħor fid-dinja. Inizjattiva kumplessa u mfassla b’mod komprensiv, diġitali, direttament demokratika, transnazzjonali, għandha infrastruttura ta’ appoġġ u tintuża tajjeb. 

Mill-2012 ’l hawn, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej l-ewwel inħolqot, imbagħad ġiet introdotta, implimentata u mtejba, u b’hekk saret prova ħajja li l-ispazju demokratiku jista’ jiġi estiż u kkonsolidat anke fl-aktar ċirkostanzi diffiċli.

Is-sena d-dieħla, fl-età ta’ 13-il sena, nisperaw li din it-tifla mfissda ssir adolexxenti li tista’ turi lill-Ewropa u lid-dinja dak li kapaċi tagħmel. U neħtieġu din is-saħħa friska u feroċi biex b’mod deċiżiv nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-mentalitajiet riġidi tal-istati nazzjon u l-istrutturi burokratiċi tal-Unjoni Ewropea. 

Ejjew inkunu ċari – m’għandniex bżonn li kontinwament u bla waqfien nivvintaw mill-ġdid forom demokratiċi ta’ għajxien flimkien, li spiss jiġu deskritti bħala “innovazzjoni”. Minflok, jeħtieġ li niddedikaw ruħna għall-IĊE, biex niżguraw li fl-aħħar ta’ dan id-deċennju din tagħlaq 16-il sena, jew mill-inqas 18 sena.  

Dan xi jfisser? Sal-2028 jew l-2030, jeħtieġ li jseħħu żewġ bidliet importanti. L-ewwel nett, is-setgħat tat-tfassil tal-aġenda tal-IĊE jeħtieġ li jsiru l-istess bħal dawk tal-Parlament Ewropew. Fi kliem ieħor, l-Ewropej għandhom ikunu jistgħu jipproponu leġiżlazzjoni u azzjonijiet governattivi oħra bħalma jistgħu jagħmlu l-membri eletti tal-Parlament Ewropew.

It-tieni, iċ-ċittadini tal-UE għandhom, sa tmiem dan id-deċennju, ikunu jistgħu jibdew mhux biss leġiżlazzjoni, iżda votazzjonijiet popolari madwar l-Ewropa kollha dwar kwistjonijiet sostantivi – spiss sempliċement imsejħa referenda. Ir-referendum pan-Ewropew mhuwiex idea ġdida, iżda huwa idea li issa mmaturat, bis-saħħa tat-twelid u l-ħajja bikrija tal-IĊE.

Jekk dan it-tip ta’ futur jista’ jinbena madwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, in-nies ser iħarsu lura lejn din l-għodda, u lejn dan iż-żmien, bħala dik li pproduċiet waħda mill-aktar kisbiet demokratiċi impressjonanti minn mindu ġiet introdotta l-votazzjoni universali u ugwali fis-seklu 20.

Il-proġett Slovakk “Crazy? So what?”, immexxi mill-organizzazzjoni Integra, ilaqqa’ studenti żgħażagħ li esperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali. Matul jum sħiħ ta’ tagħlim, l-istudenti jitgħallmu b’mod dirett xi jfisser li jegħlbu kriżi tas-saħħa mentali u kif jiksbu l-għajnuna. Id-Direttur ta’ Integra, Jana Hurova, qaltilna li l-proġett jgħin biex titkisser l-istigma ta’ min ikun għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali u jagħti liż-żgħażagħ raġġ prezzjuż ta’ tama.

Il-proġett Slovakk “Crazy? So what?”, immexxi mill-organizzazzjoni Integra, ilaqqa’ studenti żgħażagħ li esperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali. Matul jum sħiħ ta’ tagħlim, l-istudenti jitgħallmu b’mod dirett xi jfisser li jegħlbu kriżi tas-saħħa mentali u kif jiksbu l-għajnuna. Id-Direttur ta’ Integra, Jana Hurova, qaltilna li l-proġett jgħin biex titkisser l-istigma ta’ min ikun għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali u jagħti liż-żgħażagħ raġġ prezzjuż ta’ tama.

X’ħeġġek tibda l-proġett tiegħek?

L-organizzazzjoni tagħna ilha tappoġġja persuni bi problemi ta’ saħħa mentali għal bosta snin. Minħabba l-fatt li kienu morda, dawn tilfu xogħolhom, djarhom, ħbiebhom, xi drabi anke l-familji tagħhom. Id-dinja kollha tagħhom inbidlet ta’ taħt fuq. Kważi 30 sena ilu nedejna l-ewwel servizzi tas-saħħa mentali tal-komunità fis-Slovakkja. L-għan kien li niżguraw li dawn in-nies, wara li jkunu ġew ikkurati fi sptar psikjatriku, ikunu jistgħu jirċievu l-appoġġ u jerġgħu jirritornaw għall-ħajja regolari li kellhom qabel kienu morda. Tajna l-appoġġ tagħna biex jitwaqqfu organizzazzjonijiet tal-pazjenti fis-Slovakkja u wettaqna għadd ta’ programmi biex inneħħu l-istigma tal-mard mentali. Hemm persuni bi problemi serji ta’ saħħa mentali fil-kura tagħna, speċjalment l-iskiżofrenja, u ħafna minnhom diġà rnexxielhom jintegraw u jsibu tifsira f’ħajjithom.

Peress li l-attivitajiet kollha tagħna jitwettqu b’mod mhux tradizzjonali mill-bidu nett, b’ħidma fi sħubija mal-klijenti tagħna biex nidentifikaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom, applikajna approċċ simili għall-programm “Crazy? So what?”. Ħafna mill-klijenti tagħna jsibu sens ta’ skop billi jiltaqgħu maż-żgħażagħ u, billi jużaw l-esperjenza personali tagħhom, jitkellmu dwar dak li kien jonqoshom meta huma stess kienu żgħażagħ u dwar dak li wassal għall-problemi tas-saħħa mentali tagħhom.

Qed naraw ħtieġa dejjem tikber li tiġi enfasizzata l-importanza tas-saħħa mentali. Li tkun taf kif timmaniġġja kriżi personali huwa punt b’saħħtu ferm.

Bdejna l-programm “Crazy? So what!” fis-Slovakkja fl-2005, flimkien ma’ msieħba mill-Ġermanja u ċ-Ċekja. Madankollu, kien biss dan l-aħħar li rnexxielna npoġġu l-programm fuq bażi aktar soda u nestenduh. Tħarriġna bħala kowċis, u aħna stess inħarrġu timijiet ġodda u nżuru skejjel ġodda.

Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback miċ-ċittadini li għintu?  (Tista’ tagħtina eżempju, jekk għandek?)

Meta ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ dawk li jkunu għelbu kriżi tas-saħħa mentali u jistaqsuhom dwar kwalunkwe ħaġa iħalli impressjoni qawwija fuqhom. Dan jiftħilhom għajnejhom li jekk ikollhom problemi huma stess, dejjem se jsibu għajnuna disponibbli. Il-fatt li l-programm jinvolvi jum sħiħ ta’ tagħlim, u li l-komunikazzjoni hija fuq bażi ugwali, ifisser li l-parteċipanti dejjem se jieħdu magħhom impressjoni pożittiva.

Persuni b’esperjenza personali ta’ problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jagħtu liż-żgħażagħ il-kuraġġ li jagħmlu xi ħaġa dwar il-problemi tagħhom stess. Fi kważi kull klassi, hemm studenti li qed jesperjenzaw problemi. Li nagħtuhom raġġ ta’ tama huwa imprezzabbli. Persuni b’esperjenza personali jirrakkontaw l-istorja tagħhom stess bħala mod kif iħossuhom aħjar. Huma stess jiddeċiedu sa liema punt iħallu lill-istudenti jidħlu f’ħajjithom. B’dan il-mod, huma jħossu li huma siewja u li n-nies jifhmuhom.

Irċevejna ħafna kummenti bħal studenti li jgħidu li normalment ma jingħatawx l-opportunità li jiltaqgħu ma’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jew li għandna nitgħallmu naċċettaw nies bħal dawn u ma nikkundannawhomx talli huma differenti.

Irċevejna wkoll feedback minn persuni b’esperjenza personali ta’ problemi ta’ saħħa mentali li huma involuti fil-programm. Persuna waħda qaltilna:

“Il-programm jagħtini l-kuraġġ li nqum fuq tiegħi. Irrid ngħix fl-aħħar! Meta nitkellem mal-istudenti nsibha diffiċli iżda fl-istess ħin ta’ sodisfazzjon. Huma miftuħin ħafna, u bilkemm għandhom biża’ ta’ kuntatt soċjali. L-aktar ħaġa sabiħa għalija hija li juru li hemm ħafna aktar affarijiet li jgħaqqduna milli li jifirduna, li l-immaġni tal-“imġienen” mhijiex vera. Hija ħaġa sabiħa li nista’ ngħin lin-nies biex fl-aħħar jitkellmu b’mod miftuħ dwar problemi ta’ saħħa mentali, sabiex ħadd ma jkollu għalfejn jistħi jew jinħeba.”

Iż-żgħażagħ huma dawk li jmexxuna ’l quddiem. Wara kull waħda minn dawn il-ġranet, huma jitkellmu dwar kemm huwa importanti għalihom il-programm “Crazy? So what!” u li dan għandu jkompli sabiex iż-żgħażagħ kollha fis-Slovakkja jkunu jistgħu jitgħallmu dwar kemm hija importanti s-saħħa mentali tagħhom stess.

Diġà qed tippjanaw proġetti ġodda?

Nixtiequ li jkun hemm lok għaż-żgħażagħ kollha biex jirċievu din il-forma ta’ edukazzjoni sabiex inkunu nistgħu nespandu aktar il-programm lejn reġjuni oħra tas-Slovakkja. Dan diġà twettaq fil-Ġermanja (fejn tnieda l-programm), fis-Slovakkja, fiċ-Ċekja u fl-Awstrija. Din is-sena ħarriġna wkoll l-ewwel timijiet fl-Ukrajna.

Fil-fehma tiegħek, kemm huwa importanti li nitkellmu b’mod miftuħ dwar il-problemi tas-saħħa mentali tagħna? X’messaġġ qed tibagħtu bil-proġett tagħkom?

Irridu nxerrdu l-messaġġ li l-problemi tas-saħħa mentali mhumiex sors ta’ mistħija. Madankollu, dak li huwa tal-mistħija, huwa li ma nagħmlu xejn biex nippromovu saħħitna stess. Għaliex m’hemm l-ebda saħħa mingħajr saħħa mentali.

L-idea ewlenija wara l-programm “Crazy? So what!” hija li nenfasizzaw fi żmien adatt l-importanza tas-saħħa mentali, u, li fl-istess ħin inrawmu l-fehim ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.

Aħna sibna li huwa ħafna aħjar li nipprevjenu milli nittrattaw. U huwa aktar effettiv ukoll. Aħna ottimisti, noffru kuraġġ u motivazzjoni. L-għajnuna hija dejjem disponibbli. Xi drabi jkun biżżejjed li ssib lil xi ħadd ma’ min tgħid kelma. Li tiġġieled biex tirrealizza l-ħolm tiegħek qatt mhu faċli, iżda vallapena.

Il-fatti u ċ-ċifri dwar is-saħħa mentali fl-UE ma jpinġux stampa sabiħa iżda pjuttost jappellaw sabiex tittieħed azzjoni. Il-KESE jirrakkomanda miżuri aktar b’saħħithom biex tiġi promossa s-saħħa mentali fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Huwa jappella wkoll għal leġiżlazzjoni vinkolanti biex jiġu evitati r-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol. Permezz tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili għas-saħħa mentali, huwa jagħti ġieħ lill-isforzi kontinwi tas-soċjetà ċivili biex jittejjeb il-benesseri tal-Ewropej.

Il-fatti u ċ-ċifri dwar is-saħħa mentali fl-UE ma jpinġux stampa sabiħa iżda pjuttost jappellaw sabiex tittieħed azzjoni. Il-KESE jirrakkomanda miżuri aktar b’saħħithom biex tiġi promossa s-saħħa mentali fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Huwa jappella wkoll għal leġiżlazzjoni vinkolanti biex jiġu evitati r-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol. Permezz tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili għas-saħħa mentali, huwa jagħti ġieħ lill-isforzi kontinwi tas-soċjetà ċivili biex jittejjeb il-benesseri tal-Ewropej.

  1. Il-KESE ddeċieda li jiddedika l-Premju ewlieni tiegħu għas-Soċjetà Ċivili għas-saħħa mentali wara rapporti li, wara l-pandemija tal-COVID-19, id-disturbi tas-saħħa mentali bħall-ansjetà u d-dipressjoni żdiedu madwar l-Ewropa. Skont l-OECD, is-sehem ta’ żgħażagħ b’sintomi ta’ ansjetà żdied b’aktar mid-doppju f’diversi pajjiżi Ewropej. Il-pandemija naqqset ukoll l-età tal-bidu ta’ disturbi alimentari, b’mod partikolari fost l-adolexxenti. Anke qabel ma feġġ il-COVID-19, il-problemi tas-saħħa mentali affettwaw mill-inqas 84 miljun persuna – madwar persuna waħda minn kull sitta – madwar l-UE.
  2. Madwar 4 % tal-imwiet annwali fl-UE huma attribwiti għas-saħħa mentali u d-disturbi fl-imġiba. Is-saħħa mentali ħażina għandha wkoll impatt ekonomiku enormi, peress li l-ispejjeż diretti u indiretti jammontaw għal madwar 4 % tal-PDG. Aktar minn terz ta’ dawn l-ispejjeż jirriżultaw minn rati ta’ impjieg aktar baxxi u tnaqqis fil-produttività fuq il-post tax-xogħol.
  3. Skont l-Eurostat, fl-2020, 44,6 % tal-popolazzjoni impjegata ta’ bejn il-15 u l-64 sena madwar l-UE rrapportat li qed tiffaċċja fatturi ta’ riskju għall-benesseri mentali tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Il-pressjoni żejda tax-xogħol jew il-pressjoni tal-ħin kienu l-aktar fatturi ta’ riskju msemmija b’mod komuni fir-rigward tal-benesseri mentali fuq il-post tax-xogħol, irrapportati minn kważi għoxrin fil-mija tal-persuni impjegati fl-UE.
  4. Il-benesseri mentali tela’ fil-quċċata tal-aġenda politika fl-UE. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni adottat approċċ komprensiv għas-saħħa mentali f’Ġunju 2023. B’appoġġ ta’ EUR 1.23 biljun f’finanzjament tal-UE, dan l-approċċ ġdid għandu l-għan li jippromovi s-saħħa mentali fil-politiki kollha tal-UE, b’enfasi fuq tliet prinċipji gwida: prevenzjoni adegwata u effettiva; aċċess għal kura tas-saħħa u trattament mentali ta’ kwalità għolja u affordabbli; u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà wara l-irkupru. Is-saħħa mentali hija wkoll prijorità politika għall-KESE u hija fil-qalba tal-ħidma tiegħu.
  5. Il-KESE rċieva sa 105 applikazzjoni minn madwar l-UE, li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti – minn proġetti li jipprevjenu riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol jew li jindirizzaw kwistjonijiet bħall-abbuż ta’ sustanzi u d-dipendenza ċibernetika għall-ġlieda kontra l-istigma fir-rigward tas-saħħa mentali u l-promozzjoni ta’ assistenza mmexxija mill-komunità. Il-KESE jittama li billi jonora u juri dawn l-isforzi vitali mhux statali għall-appoġġ tas-saħħa mentali, dan jista’ wkoll jispira lil oħrajn biex jagħmlu l-istess. (sg)

Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili jagħti ġieħ lil proġetti mingħajr skop ta’ qligħ li jitwettqu minn individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji. Kull sena tintgħażel tema differenti, li tkopri qasam importanti tal-ħidma tal-KESE. L-14-il Premju għas-Soċjetà Ċivili, iddedikat għas-saħħa mentali, intrebaħ mill-fondazzjoni Irlandiża Third Age u n-network ta’ involviment soċjali tagħha AgeWell, li jiġġieled is-solitudni fix-xjuħija.

Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili jagħti ġieħ lil proġetti mingħajr skop ta’ qligħ li jitwettqu minn individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji. Kull sena tintgħażel tema differenti, li tkopri qasam importanti tal-ħidma tal-KESE. L-14-il Premju għas-Soċjetà Ċivili, iddedikat għas-saħħa mentali, intrebaħ mill-fondazzjoni Irlandiża Third Age u n-network ta’ involviment soċjali tagħha AgeWell, li jiġġieled is-solitudni fix-xjuħija.

Fis-7 ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippremja ħames organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ għall-kontribut eċċellenti tagħhom fil-ġlieda kontra d-disturbi tas-saħħa mentali, li fl-UE żdiedu b’mod drammatiku.

Il-premju ta’ EUR 50 000 tqassam bejn il-ħames proġetti rebbieħa.

Il-fondazzjoni karitattiva tal-Irlanda Third Age rebħet l-ewwel premju ta’ EUR 14 000.

L-erba’ finalisti rċevew EUR 9 000 kull wieħed u ġew ikklassifikati kif ġej:

  • It-tieni post: l-assoċjazzjoni Pro Lapinlahti, tal-Finlandja għaċ-ċentru tal-komunità Lapinlahden Lähde
  • It-tielet post: Integra, tas-Slovakkja, għall-inizjattiva tagħha “Crazy? So what!”
  • Ir-raba’ post: il-fondazzjoni Lilinkoti, tal-Finlandja, għal-logħob tagħha The World of Recovery
  • Il-ħames post: l-organizzazzjoni Animenta tal-Italja, għall-proġett tagħha “raccontare per sensibilizzare”

IR-REBBIEĦ TAL-EWWEL PREMJU

Il-fondazzjoni karitattiva tal-Irlanda Third Age tgħin lill-persuni akbar fl-età li jkunu iżolati, fraġli u vulnerabbli, permezz tan-network ta’ involviment soċjali tagħha AgeWell. Is-servizz uniku tagħha huwa bbażat fil-komunità, fejn persuni li għandhom ’il fuq minn 50 sena jappoġġjaw persuni akbar fl-età li jinsabu f’riskju u fil-bżonn. Bl-użu ta’ taħlita ta’ żjarat fid-djar u kwestjonarju dwar is-saħħa mentali li jsir permezz tal-ismartphone, AgeWell joffri kumpanija u appoġġ emozzjonali u jidentifika r-riskji għas-saħħa fi stadju bikri.

PROĠETTI REBBIEĦA OĦRA

It-tieni post mar għand l-assoċjazzjoni Pro Lapinlahti tal-Finlandja u ċ-ċentru komunitarju tagħha Lapinlahden Lähde jew “Is-Sors ta’ Lapinlahti”. Iċ-ċentru, li nbena permezz tar-rinnovazzjoni tal-Isptar Lapinlahti ta’ Helsinki, jorganizza diversi workshops u avvenimenti b’rabta mal-litteriżmu fis-saħħa mentali, u kull sena jżuruh xejn inqas minn 50 000 viżitatur. Dan huwa post iddikjarat bħala żona ħielsa mid-dijanjożi, fejn kulħadd jesprimi lilu nnifsu liberament, mingħajr ma jingħataw tikketti, fejn tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ min iżuru mingħajr attitudni paternalista.

Fit-tielet post insibu lill-organizzazzjoni Slovakka Integra, bl-inizjattiva tagħha “Crazy? So what!”, li tkisser l-isterjotipi billi tippromovi fehim ta’ kompassjoni tas-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ. Dan jipprovdi fehim dirett ta’ xi tfisser it-tbatija mentali u tat-triq lejn il-fejqan.

Il-fondazzjoni Lilinkoti tal-Finlandja, li rebħet ir-raba’ premju, tinsab fuq missjoni biex tappoġġja s-saħħa mentali bil-logħob innovattiv u kreattiv tagħha msejjaħ The World of Recovery. Il-logħob jippromovi l-irkupru tas-saħħa mentali permezz ta’ għanijiet li jispiraw awtoimmaġni b’saħħitha, awtonomija personali u ħajja attiva u sinifikanti. L-ewwel logħba, li hija ħielsa mill-vjolenza, tintlagħab fuq l-ismartphone, u t-tieni waħda hija logħba tar-rwoli li tintlagħab fuq il-mejda u li rebħet diversi unuri. Dawn huma mmirati lejn is-saħħa mentali u lejn persuni li qed jirkupraw mill-abbuż ta’ sustanzi, flimkien mal-professjonisti, u huma mingħajr ħlas.

Il-proġett tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ Animenta tal-Italja, “raccontare per sensibilizzare”, ħa l-ħames post. Permezz ta’ dan il-proġett, Animenta qed tikteb mill-ġdid narrattivi sterjotipiċi dwar id-disturbi alimentari, li fl-Italja biss jaffettwaw ’il fuq minn erba’ miljun persuna, li żewġ miljuni minnhom huma adolexxenti. Il-programmi ta’ prevenzjoni u sensibilizzazzjoni tagħha jitwettqu minn professjonisti voluntiera online u fl-iskejjel fl-Italja kollha.

Il-KESE nieda l-premju ta’ din is-sena f’Lulju 2023. Il-KESE ried jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li għandha s-soċjetà ċivili fit-trattament u l-prevenzjoni tas-saħħa mentali billi jiddedika l-premju lis-saħħa mentali. Ir-rebbieħa ntgħażlu minn fost aktar minn 100 applikazzjoni minn 23 Stat Membru.

Is-suġġetti tal-passat tal-premju inkludew iż-żgħażagħ u l-għajnuna għall-Ukrajna, l-azzjoni klimatika, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-migrazzjoni. Fl-2020, il-KESE ssostitwixxa l-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili bi Premju ta’ darba għas-Solidarjetà Ċivili, iddedikat għall-ġlieda kontra l-COVID-19. (ll)

Il-Jum tal-IĊE tal-2024 xeħet dawl qawwi kemm fuq il-potenzjal kif ukoll fuq il-limitazzjonijiet tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE). Apparti li ċċelebraw is-suċċessi tal-inizjattivi tal-passat biex jissensibilizzaw lin-nies u jqanqlu dibattiti pubbliċi, id-diskussjonijiet ħarġu fid-dieher ukoll il-frustrazzjonijiet rigward il-ħtieġa għal rispons u segwitu aħjar mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Il-Jum tal-IĊE tal-2024 xeħet dawl qawwi kemm fuq il-potenzjal kif ukoll fuq il-limitazzjonijiet tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE). Apparti li ċċelebraw is-suċċessi tal-inizjattivi tal-passat biex jissensibilizzaw lin-nies u jqanqlu dibattiti pubbliċi, id-diskussjonijiet ħarġu fid-dieher ukoll il-frustrazzjonijiet rigward il-ħtieġa għal rispons u segwitu aħjar mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Punti ewlenin li ħarġu mill-Jum tal-IĊE:

  • Lil hinn mill-kaxxa għas-suġġerimenti.  IĊE ta’ suċċess għandha awtomatikament tirriżulta f’azzjoni sostantiva mill-Kummissjoni, inklużi reazzjonijiet konkreti u, fejn adatt, proposti leġiżlattivi. Dan jiżgura l-influwenza diretta tagħha fuq id-dritt tal-UE, u jrawwem djalogu aktar sinifikanti bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet.
  • Sħubijiet aktar b’saħħithom. Il-kollaborazzjoni hija ċentrali. L-amplifikazzjoni tal-ilħna taċ-ċittadini teħtieġ kollaborazzjoni strateġika bejn l-organizzaturi, is-soċjetà ċivili, il-mezzi tal-media u l-imsieħba pubbliċi.
  • Titjib kontinwu. Il-qafas tal-IĊE dejjem jevolvi. Billi nisfruttaw l-aħjar prattiki u nrawmu l-kondiviżjoni tal-għarfien fost il-partijiet ikkonċernati, nistgħu nsaħħu l-proċess tal-IĊE u nagħtu s-setgħa lil saħansitra aktar ċittadini biex jipparteċipaw b’mod attiv.

L-IĊE tippermetti liċ-ċittadini jitolbu lill-UE tieħu azzjoni u tipproponi liġi ġdida dwar kwistjoni partikolari. Ladarba inizjattiva tikseb miljun firma, il-Kummissjoni tiddeċiedi x’azzjoni għandha tieħu. (gb)