Il-proġett Slovakk “Crazy? So what?”, immexxi mill-organizzazzjoni Integra, ilaqqa’ studenti żgħażagħ li esperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali. Matul jum sħiħ ta’ tagħlim, l-istudenti jitgħallmu b’mod dirett xi jfisser li jegħlbu kriżi tas-saħħa mentali u kif jiksbu l-għajnuna. Id-Direttur ta’ Integra, Jana Hurova, qaltilna li l-proġett jgħin biex titkisser l-istigma ta’ min ikun għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali u jagħti liż-żgħażagħ raġġ prezzjuż ta’ tama.

X’ħeġġek tibda l-proġett tiegħek?

L-organizzazzjoni tagħna ilha tappoġġja persuni bi problemi ta’ saħħa mentali għal bosta snin. Minħabba l-fatt li kienu morda, dawn tilfu xogħolhom, djarhom, ħbiebhom, xi drabi anke l-familji tagħhom. Id-dinja kollha tagħhom inbidlet ta’ taħt fuq. Kważi 30 sena ilu nedejna l-ewwel servizzi tas-saħħa mentali tal-komunità fis-Slovakkja. L-għan kien li niżguraw li dawn in-nies, wara li jkunu ġew ikkurati fi sptar psikjatriku, ikunu jistgħu jirċievu l-appoġġ u jerġgħu jirritornaw għall-ħajja regolari li kellhom qabel kienu morda. Tajna l-appoġġ tagħna biex jitwaqqfu organizzazzjonijiet tal-pazjenti fis-Slovakkja u wettaqna għadd ta’ programmi biex inneħħu l-istigma tal-mard mentali. Hemm persuni bi problemi serji ta’ saħħa mentali fil-kura tagħna, speċjalment l-iskiżofrenja, u ħafna minnhom diġà rnexxielhom jintegraw u jsibu tifsira f’ħajjithom.

Peress li l-attivitajiet kollha tagħna jitwettqu b’mod mhux tradizzjonali mill-bidu nett, b’ħidma fi sħubija mal-klijenti tagħna biex nidentifikaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom, applikajna approċċ simili għall-programm “Crazy? So what?”. Ħafna mill-klijenti tagħna jsibu sens ta’ skop billi jiltaqgħu maż-żgħażagħ u, billi jużaw l-esperjenza personali tagħhom, jitkellmu dwar dak li kien jonqoshom meta huma stess kienu żgħażagħ u dwar dak li wassal għall-problemi tas-saħħa mentali tagħhom.

Qed naraw ħtieġa dejjem tikber li tiġi enfasizzata l-importanza tas-saħħa mentali. Li tkun taf kif timmaniġġja kriżi personali huwa punt b’saħħtu ferm.

Bdejna l-programm “Crazy? So what!” fis-Slovakkja fl-2005, flimkien ma’ msieħba mill-Ġermanja u ċ-Ċekja. Madankollu, kien biss dan l-aħħar li rnexxielna npoġġu l-programm fuq bażi aktar soda u nestenduh. Tħarriġna bħala kowċis, u aħna stess inħarrġu timijiet ġodda u nżuru skejjel ġodda.

Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback miċ-ċittadini li għintu?  (Tista’ tagħtina eżempju, jekk għandek?)

Meta ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ dawk li jkunu għelbu kriżi tas-saħħa mentali u jistaqsuhom dwar kwalunkwe ħaġa iħalli impressjoni qawwija fuqhom. Dan jiftħilhom għajnejhom li jekk ikollhom problemi huma stess, dejjem se jsibu għajnuna disponibbli. Il-fatt li l-programm jinvolvi jum sħiħ ta’ tagħlim, u li l-komunikazzjoni hija fuq bażi ugwali, ifisser li l-parteċipanti dejjem se jieħdu magħhom impressjoni pożittiva.

Persuni b’esperjenza personali ta’ problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jagħtu liż-żgħażagħ il-kuraġġ li jagħmlu xi ħaġa dwar il-problemi tagħhom stess. Fi kważi kull klassi, hemm studenti li qed jesperjenzaw problemi. Li nagħtuhom raġġ ta’ tama huwa imprezzabbli. Persuni b’esperjenza personali jirrakkontaw l-istorja tagħhom stess bħala mod kif iħossuhom aħjar. Huma stess jiddeċiedu sa liema punt iħallu lill-istudenti jidħlu f’ħajjithom. B’dan il-mod, huma jħossu li huma siewja u li n-nies jifhmuhom.

Irċevejna ħafna kummenti bħal studenti li jgħidu li normalment ma jingħatawx l-opportunità li jiltaqgħu ma’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jew li għandna nitgħallmu naċċettaw nies bħal dawn u ma nikkundannawhomx talli huma differenti.

Irċevejna wkoll feedback minn persuni b’esperjenza personali ta’ problemi ta’ saħħa mentali li huma involuti fil-programm. Persuna waħda qaltilna:

“Il-programm jagħtini l-kuraġġ li nqum fuq tiegħi. Irrid ngħix fl-aħħar! Meta nitkellem mal-istudenti nsibha diffiċli iżda fl-istess ħin ta’ sodisfazzjon. Huma miftuħin ħafna, u bilkemm għandhom biża’ ta’ kuntatt soċjali. L-aktar ħaġa sabiħa għalija hija li juru li hemm ħafna aktar affarijiet li jgħaqqduna milli li jifirduna, li l-immaġni tal-“imġienen” mhijiex vera. Hija ħaġa sabiħa li nista’ ngħin lin-nies biex fl-aħħar jitkellmu b’mod miftuħ dwar problemi ta’ saħħa mentali, sabiex ħadd ma jkollu għalfejn jistħi jew jinħeba.”

Iż-żgħażagħ huma dawk li jmexxuna ’l quddiem. Wara kull waħda minn dawn il-ġranet, huma jitkellmu dwar kemm huwa importanti għalihom il-programm “Crazy? So what!” u li dan għandu jkompli sabiex iż-żgħażagħ kollha fis-Slovakkja jkunu jistgħu jitgħallmu dwar kemm hija importanti s-saħħa mentali tagħhom stess.

Diġà qed tippjanaw proġetti ġodda?

Nixtiequ li jkun hemm lok għaż-żgħażagħ kollha biex jirċievu din il-forma ta’ edukazzjoni sabiex inkunu nistgħu nespandu aktar il-programm lejn reġjuni oħra tas-Slovakkja. Dan diġà twettaq fil-Ġermanja (fejn tnieda l-programm), fis-Slovakkja, fiċ-Ċekja u fl-Awstrija. Din is-sena ħarriġna wkoll l-ewwel timijiet fl-Ukrajna.

Fil-fehma tiegħek, kemm huwa importanti li nitkellmu b’mod miftuħ dwar il-problemi tas-saħħa mentali tagħna? X’messaġġ qed tibagħtu bil-proġett tagħkom?

Irridu nxerrdu l-messaġġ li l-problemi tas-saħħa mentali mhumiex sors ta’ mistħija. Madankollu, dak li huwa tal-mistħija, huwa li ma nagħmlu xejn biex nippromovu saħħitna stess. Għaliex m’hemm l-ebda saħħa mingħajr saħħa mentali.

L-idea ewlenija wara l-programm “Crazy? So what!” hija li nenfasizzaw fi żmien adatt l-importanza tas-saħħa mentali, u, li fl-istess ħin inrawmu l-fehim ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali.

Aħna sibna li huwa ħafna aħjar li nipprevjenu milli nittrattaw. U huwa aktar effettiv ukoll. Aħna ottimisti, noffru kuraġġ u motivazzjoni. L-għajnuna hija dejjem disponibbli. Xi drabi jkun biżżejjed li ssib lil xi ħadd ma’ min tgħid kelma. Li tiġġieled biex tirrealizza l-ħolm tiegħek qatt mhu faċli, iżda vallapena.