European Economic
and Social Committee
Il-fondazzjoni Irlandiża Third Age rebħet il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili għas-saħħa mentali
Il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili jagħti ġieħ lil proġetti mingħajr skop ta’ qligħ li jitwettqu minn individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji. Kull sena tintgħażel tema differenti, li tkopri qasam importanti tal-ħidma tal-KESE. L-14-il Premju għas-Soċjetà Ċivili, iddedikat għas-saħħa mentali, intrebaħ mill-fondazzjoni Irlandiża Third Age u n-network ta’ involviment soċjali tagħha AgeWell, li jiġġieled is-solitudni fix-xjuħija.
Fis-7 ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippremja ħames organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ għall-kontribut eċċellenti tagħhom fil-ġlieda kontra d-disturbi tas-saħħa mentali, li fl-UE żdiedu b’mod drammatiku.
Il-premju ta’ EUR 50 000 tqassam bejn il-ħames proġetti rebbieħa.
Il-fondazzjoni karitattiva tal-Irlanda Third Age rebħet l-ewwel premju ta’ EUR 14 000.
L-erba’ finalisti rċevew EUR 9 000 kull wieħed u ġew ikklassifikati kif ġej:
- It-tieni post: l-assoċjazzjoni Pro Lapinlahti, tal-Finlandja għaċ-ċentru tal-komunità Lapinlahden Lähde
- It-tielet post: Integra, tas-Slovakkja, għall-inizjattiva tagħha “Crazy? So what!”
- Ir-raba’ post: il-fondazzjoni Lilinkoti, tal-Finlandja, għal-logħob tagħha The World of Recovery
- Il-ħames post: l-organizzazzjoni Animenta tal-Italja, għall-proġett tagħha “raccontare per sensibilizzare”
IR-REBBIEĦ TAL-EWWEL PREMJU
Il-fondazzjoni karitattiva tal-Irlanda Third Age tgħin lill-persuni akbar fl-età li jkunu iżolati, fraġli u vulnerabbli, permezz tan-network ta’ involviment soċjali tagħha AgeWell. Is-servizz uniku tagħha huwa bbażat fil-komunità, fejn persuni li għandhom ’il fuq minn 50 sena jappoġġjaw persuni akbar fl-età li jinsabu f’riskju u fil-bżonn. Bl-użu ta’ taħlita ta’ żjarat fid-djar u kwestjonarju dwar is-saħħa mentali li jsir permezz tal-ismartphone, AgeWell joffri kumpanija u appoġġ emozzjonali u jidentifika r-riskji għas-saħħa fi stadju bikri.
PROĠETTI REBBIEĦA OĦRA
It-tieni post mar għand l-assoċjazzjoni Pro Lapinlahti tal-Finlandja u ċ-ċentru komunitarju tagħha Lapinlahden Lähde jew “Is-Sors ta’ Lapinlahti”. Iċ-ċentru, li nbena permezz tar-rinnovazzjoni tal-Isptar Lapinlahti ta’ Helsinki, jorganizza diversi workshops u avvenimenti b’rabta mal-litteriżmu fis-saħħa mentali, u kull sena jżuruh xejn inqas minn 50 000 viżitatur. Dan huwa post iddikjarat bħala żona ħielsa mid-dijanjożi, fejn kulħadd jesprimi lilu nnifsu liberament, mingħajr ma jingħataw tikketti, fejn tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ min iżuru mingħajr attitudni paternalista.
Fit-tielet post insibu lill-organizzazzjoni Slovakka Integra, bl-inizjattiva tagħha “Crazy? So what!”, li tkisser l-isterjotipi billi tippromovi fehim ta’ kompassjoni tas-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ. Dan jipprovdi fehim dirett ta’ xi tfisser it-tbatija mentali u tat-triq lejn il-fejqan.
Il-fondazzjoni Lilinkoti tal-Finlandja, li rebħet ir-raba’ premju, tinsab fuq missjoni biex tappoġġja s-saħħa mentali bil-logħob innovattiv u kreattiv tagħha msejjaħ The World of Recovery. Il-logħob jippromovi l-irkupru tas-saħħa mentali permezz ta’ għanijiet li jispiraw awtoimmaġni b’saħħitha, awtonomija personali u ħajja attiva u sinifikanti. L-ewwel logħba, li hija ħielsa mill-vjolenza, tintlagħab fuq l-ismartphone, u t-tieni waħda hija logħba tar-rwoli li tintlagħab fuq il-mejda u li rebħet diversi unuri. Dawn huma mmirati lejn is-saħħa mentali u lejn persuni li qed jirkupraw mill-abbuż ta’ sustanzi, flimkien mal-professjonisti, u huma mingħajr ħlas.
Il-proġett tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ Animenta tal-Italja, “raccontare per sensibilizzare”, ħa l-ħames post. Permezz ta’ dan il-proġett, Animenta qed tikteb mill-ġdid narrattivi sterjotipiċi dwar id-disturbi alimentari, li fl-Italja biss jaffettwaw ’il fuq minn erba’ miljun persuna, li żewġ miljuni minnhom huma adolexxenti. Il-programmi ta’ prevenzjoni u sensibilizzazzjoni tagħha jitwettqu minn professjonisti voluntiera online u fl-iskejjel fl-Italja kollha.
Il-KESE nieda l-premju ta’ din is-sena f’Lulju 2023. Il-KESE ried jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li għandha s-soċjetà ċivili fit-trattament u l-prevenzjoni tas-saħħa mentali billi jiddedika l-premju lis-saħħa mentali. Ir-rebbieħa ntgħażlu minn fost aktar minn 100 applikazzjoni minn 23 Stat Membru.
Is-suġġetti tal-passat tal-premju inkludew iż-żgħażagħ u l-għajnuna għall-Ukrajna, l-azzjoni klimatika, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-migrazzjoni. Fl-2020, il-KESE ssostitwixxa l-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili bi Premju ta’ darba għas-Solidarjetà Ċivili, iddedikat għall-ġlieda kontra l-COVID-19. (ll)