Il-Jum tal-IĊE tal-2024 xeħet dawl qawwi kemm fuq il-potenzjal kif ukoll fuq il-limitazzjonijiet tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE). Apparti li ċċelebraw is-suċċessi tal-inizjattivi tal-passat biex jissensibilizzaw lin-nies u jqanqlu dibattiti pubbliċi, id-diskussjonijiet ħarġu fid-dieher ukoll il-frustrazzjonijiet rigward il-ħtieġa għal rispons u segwitu aħjar mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Punti ewlenin li ħarġu mill-Jum tal-IĊE:

  • Lil hinn mill-kaxxa għas-suġġerimenti.  IĊE ta’ suċċess għandha awtomatikament tirriżulta f’azzjoni sostantiva mill-Kummissjoni, inklużi reazzjonijiet konkreti u, fejn adatt, proposti leġiżlattivi. Dan jiżgura l-influwenza diretta tagħha fuq id-dritt tal-UE, u jrawwem djalogu aktar sinifikanti bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet.
  • Sħubijiet aktar b’saħħithom. Il-kollaborazzjoni hija ċentrali. L-amplifikazzjoni tal-ilħna taċ-ċittadini teħtieġ kollaborazzjoni strateġika bejn l-organizzaturi, is-soċjetà ċivili, il-mezzi tal-media u l-imsieħba pubbliċi.
  • Titjib kontinwu. Il-qafas tal-IĊE dejjem jevolvi. Billi nisfruttaw l-aħjar prattiki u nrawmu l-kondiviżjoni tal-għarfien fost il-partijiet ikkonċernati, nistgħu nsaħħu l-proċess tal-IĊE u nagħtu s-setgħa lil saħansitra aktar ċittadini biex jipparteċipaw b’mod attiv.

L-IĊE tippermetti liċ-ċittadini jitolbu lill-UE tieħu azzjoni u tipproponi liġi ġdida dwar kwistjoni partikolari. Ladarba inizjattiva tikseb miljun firma, il-Kummissjoni tiddeċiedi x’azzjoni għandha tieħu. (gb)