European Economic
and Social Committee
Breadcrumb
- Home
- Current: Jean-Dominique Giuliani: 2022 : Mument f’waqtu għal irkupru attiv
Jean-Dominique Giuliani: 2022 : Mument f’waqtu għal irkupru attiv
Jean-Dominique Giuliani: 2022 : Mument f’waqtu għal irkupru attiv
L-Unjoni Ewropea tipprogressa minn kriżi għal kriżi. Iffaċċjata bil-virus, kienet kapaċi timmobilizza kemm f’termini ta’ saħħa kif ukoll mil-lat ekonomiku. L-ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri qatt ma kien pproduċa riżultati tanġibbli daqshekk malajr. Il-vaċċini qegħdin hemm u qed jiġu esportati wkoll lejn pajjiżi terzi fil-bżonn. L-appoġġ massiv għall-ekonomija qed jipproduċi l-effetti tiegħu u qed iħeġġiġna biex nikkunsidraw mill-ġdid il-governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew għal darb’ oħra wera li jaf jaqdi r-rwol tiegħu bħala tarka u protettur tal-Ewropej billi għamilha possibbli li jiġu megħjuna ċ-ċirkwiti finanzjarji taħt tensjoni.
L-Unjoni trid tieħu vantaġġ tal-kapaċitajiet reattivi tagħha biex issegwi din il-bidla.
Qed tiffaċċja żewġ sfidi konsiderevoli, li jistgħu jkunu saħansitra vitali : il-prosperità u s-sigurtà tagħha. Trid tadotta regoli għall-funzjonament tal-ekonomija tagħha li huma adattati għall-isfidi tat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika. Tista’ timmobilizza riżorsi importanti billi timmutwalizza l-użu tas-swieq għal investiment fil-futur. Id-dejn komuni m’għandux ibeżża’ meta dan ikun kwistjoni ta’ investiment u għalhekk ta’ projezzjoni lejn ekonomija ġdida. Mingħajr ebda dewmien, għandha tidentifika l-ħtiġijiet tagħha; trid taċċetta li ssir reviżjoni tal-prinċipji tagħha dwar il-governanza ekonomika.
Is-sigurtà tagħha hija mhedda minn poteri reviżjonisti mal-fruntieri tagħha, li mhumiex kapaċi jisfidaw is-saħħa ekonomika tagħha, u għaldaqstant ifittxu kull skuża biex joħolqu inkwiet, jiddistablizzaw u b’hekk biex jiġġieldu kontriha. Abbażi tal-prinċipji paċifiċi tagħhom, l-Ewropej jeħtieġ li jitgħallmu kif iħejju għall-gwerra sabiex ma jkollhomx jagħmlu l-gwerra. Li wieħed jirbaħ il-gwerra qabel ma tiġi miġġielda jfisser rieda qawwija li tinkiseb awtonomija vera u proprja tal-ħsieb u tal-azzjoni.
Jekk kollettivament l-Ewropej jissodisfaw dawn iż-żewġ ħtiġijiet essenzjali, huma jkunu qed jagħtu bidu għal epoka ġdida tal-proġett Ewropew.
Is-saħħa fit-trankwilità ta’ Unjoni Ewropea magħquda biex tiffaċċja l-isfidi li qed issib ma’ wiċċha tkun l-aqwa xempju tal-mudell tagħha ta’ libertà u solidarjetà. Billi turi solidarjetà ma’ kull wieħed mill-membri tagħha u torganizza s-solidarjetà bejn il-kategoriji kollha tal-Ewropej, l-Unjoni tirrappreżenta mudell soċjali li jqiegħed lill-persuna umana fiċ-ċentru ta’ kwalunkwe organizzazzjoni soċjali. Għandha tkun kburija li qed tħaddan dan meta ffaċċjata minn avversarji awtokratiċi ġodda li qed jikkonfrontawha.
M’għandhiex tibża’ la mis-saħħa u lanqas mill-immaġinazzjoni kreattiva fil-qasam ekonomiku. U trid turi kuraġġ. Umbagħad il-ġejjieni żgur jitbissmilha.
Jean-Dominique Giuliani: Président tal-Fondazzjoni Robert Schuman