L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport jenħtieġ li tipprovdi alternattivi realistiċi

Il-Kumitat jappoġġja l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport, iżda jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija għandha tkun ġusta u tipprovdi alternattivi vijabbli u realistiċi li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi ekonomiċi u soċjali u l-ħtiġijiet tal-partijiet kollha tal-Ewropa, inklużi ż-żoni rurali.

Dan huwa l-messaġġ ewlieni ta’ Opinjoni li tfasslet minn Pierre Jean Coulon u Lidija Pavić-Rogošić u ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Ġunju tal-Kumitat. Il-KESE jadotta pożizzjoni ċara fil-valutazzjoni tiegħu dwar il-White Paper tat-Trasport tal-2011 li għandha l-għan li twaqqaf id-dipendenza tas-sistema tat-trasport miż-żejt tal-fjuwil mingħajr ma tikkomprometti l-effiċjenza tas-sistema u l-mobilità.

Li jkun hemm limitazzjonijiet fuq il-mezzi tat-trasport mhijiex alternattiva: il-mira għandha tkun il-komodalità, mhux il-bidla modali. Barra minn hekk, it-tranżizzjoni ekoloġika jenħtieġ tkun soċjalment ġusta kif ukoll tippreserva l-kompetittività tat-trasport Ewropew, bl-implimentazzjoni sħiħa taż-Żona Ewropea tat-Trasport bħala parti mis-Suq Uniku. Id-dewmien f’dan ir-rigward huwa ta’ diżappunt.

“Li nrażżnu l-mobilità mhijiex alternattiva. Aħna nappoġġjaw kull miżura mmirata biex it-trasport isir aktar effiċjenti fl-enerġija u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet", qal is-Sur Coulon. “L-Ewropa tinsab għaddejja minn perjodu ta’ tfixkil, iżda dan mgħandux iwassal għal bidla fid-direzzjoni f’termini ta’ aspettattivi soċjali u ambjentali tad-diversi inizjattivi Ewropej.”

Il-KESE jħeġġeġ ukoll proċess ta’ skambju ta’ fehmiet miftuħ, kontinwu u trasparenti rigward l-implimentazzjoni tal-White Paper. “Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jinkiseb l-appoġġ tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet ikkonċernati, inkluż permezz ta’ djalogu parteċipattiv", żiedet tgħid is-Sinjura Pavić-Rogošić. “Fehim tajjeb u aċċettazzjoni wiesgħa tal-għanijiet strateġiċi se jkunu ta’ għajnuna kbira biex jinkisbu r-riżultati.” (mp)