Ozlem Yildirim: Huwa importanti li nippreservaw l-ambjent

Id-dritt għal ambjent b’saħħtu huwa assolutament vitali għall-benessri soċjali u ekonomiku tan-nies fl-Ewropa u fid-dinja. Pereżempju, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tistma li madwar 40% tal-impjiegi fid-dinja jiddependu minn klima b’saħħitha. Għalkemm l-UE adottat ħafna biċċiet ta’ atti leġiżlattivi, l-implimentazzjoni tagħhom spiss tkun dgħajfa, u l-KESE għalhekk jappella għal sforzi akbar biex ġenwinament tittejjeb l-effettività tal-istrumenti legali eżistenti.

Fil-kuntest tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u l-adeżjoni futura tagħha mal-UE, huwa importanti aktar minn qatt qabel li l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu effett lid-dritt għal ambjent b’saħħtu. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa urġenti li ssir ħidma favur it-titjib tal-protezzjoni ambjentali bil-għan li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali fl-UE u lil hinn minnha, u josserva li din il-ħtieġa hija aggravata mill-ħsara ambjentali serja kkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna.

Fil-fatt, il-KESE jwissi b’mod partikolari dwar il-ħsara għas-saħħa mentali u fiżika tal-bniedem, id-degradazzjoni tal-ekosistemi, it-tniġġis tal-arja u tal-ilma u l-kontaminazzjoni tal-art, u jenfasizza b’mod partikolari l-fraġilità tas-sigurtà globali tal-ikel. Skont il-KESE, l-azzjonijiet tar-Russja jammontaw għal ekoċidju, u jitlob li dan l-“ekoċidju” jiġi kriminalizzat formalment fid-dritt tal-UE.

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-impatti jiġu ddokumentati, immappjati u mkejla sabiex l-ambjent jiġi protett legalment, tiġi żgurata r-responsabbiltà u jitqiegħdu l-pedamenti għal irkupru ekoloġiku u soċjalment ġust wara l-gwerra.