Euro-Med – L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma essenzjali biex l-ekonomija u s-soċjetà jaħdmu tajjeb

Matul is-sessjoni plenarja ta’ Diċembru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) sar dibattitu dwar ir-rikostruzzjoni u r-reżiljenza tar-reġjun Ewro‑Mediterranju wara l-pandemija tal-COVID-19.

L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti b’mod sistematiku sabiex jiġi żgurat li l-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE jirkupra bis-sħiħ mill-kriżi tal-COVID-19.

Dan huwa l-qofol tad-dibattitu dwar ir-reġjun Ewro-Mediterranju li sar fis-sessjoni plenarja tal-KESE fl-14 ta’ Diċembru 2022.

Christa Schweng, il-President tal-Kumitat, enfasizzat ir-rwol tal-kooperazzjoni u d-djalogu lokali u tan-network tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali b’mod partikolari. Hija sostniet li L-Unjoni għall-Mediterran u l-assemblea parlamentari tagħha, kif ukoll il-Fondazzjoni Anna Lindh huma msieħba importanti ħafna għall-KESE; huma wkoll pilastri ewlenin tas-sħubija Ewro-Mediterranja. Il-memorandum ta’ qbil bejn il-KESE u l-Fondazzjoni Anna Lindh huwa pass importanti lejn aktar tisħiħ u approfondiment ta’ din is-sħubija.

Álvaro Albacete Perea, Viċi Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, tkellem dwar kemm huwa importanti t-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-UE u r-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran biex tiġi sfruttata firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli u jingħata kontribut għat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE.

Tal-istess fehma, Josep Ferré, Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Ewro‑Mediterranja Anna Lindh għad-Djalogu Bejn il-Kulturi, irrefera għas-sinerġiji vasti li jistgħu jiġu sfruttati, filwaqt li enfasizza li wasal iż-żmien li l-UE tqis il-migrazzjoni bħala assi, u mhux bħala theddida.

Il-potenzjal notevoli tad-diġitalizzazzjoni huwa wkoll kruċjali għall-progress ekonomiku u soċjali fir-reġjun Ewro-Mediterranju kollu.

L-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar It-tranżizzjoni diġitali fir-reġjun Ewro-Mediterranju, imfassla minn Dolores Sammut Bonnici u adottata fis-sessjoni plenarja, tenfasizza li t-tranżizzjoni diġitali hija essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku inklużiv u l-ħolqien tal-impjiegi fir-reġjun Ewro-Mediterranju kollu. Jirrimarka wkoll li huwa importanti li jitnaqqas id-distakk diġitali bejn il-pajjiżi individwali, bejn iż-żoni urbani u rurali u bejn il-ġenerazzjonijiet.

Is-Sinjura Sammut Bonnici temmen li l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-ħiliet diġitali huma prijorità ewlenija għall-ekonomija peress li l-litteriżmu diġitali sar daqshekk importanti. Għalhekk huwa meħtieġ aktar taħriġ dwar kwistjonijiet diġitali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni.

Work organisation

Downloads

Euro-Med - Civil society organisations key to keeping the economy and society running