Id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni jeħtieġ li tkun ankrata fil-politika estera tal-UE

This page is also available in

Il-bini ta’ sħubijiet ta’ talent mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu hija politika ewlenija biex nindirizzaw il-migrazzjoni. L-Ewropa trid iċċaqlaq il-fokus tad-dimensjoni esterna tal-politika dwar il-migrazzjoni b’mod li din tkun parti minn aġenda ġeopolitika u ġeoekonomika usa’, fil-post li jitstħoqqilha fost il-politiki l-oħrajn. Inkella, il-patt il-ġdid se jkun wisq dgħajjef biex jindirizza l-għadd dejjem jikber ta’ flussi migratorji.

Is-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni (REX) tal-KESE organizzat laqgħa f’format ibridu f’Lulju 2021 sabiex teżamina l-ġeopolitika tal-migrazzjoni, bil-parteċipazzjoni ta’ kelliema distinti mill-istituzzjonijiet Ewropej, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati Afrikani.

Illum qed nitkellmu dwar kif il-ġeopolitika tolqot il-migrazzjoni. Jekk naraw x’ġara fil-pajjiżi tas-Saħel, huwa ċar li l-mewġa kbira li jmiss ta’ migranti lejn l-Ewropa se tkun ġejja mill-Afrika, enfasizza Dimitris Dimitriadis, President tas-Sezzjoni REX, fil-kummenti ta’ ftuħ tiegħu.

Il-fatti jitkellmu waħedhom fejn huwa stmat li fil-livell globali hemm 281 miljun persuna li huma migranti. Minn Jannar 2020, madwar 23 miljun persuna mill-447 miljun persuna li jgħixu fl-UE huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u jirrappreżentaw 5 % tal-popolazzjoni Ewropea. B’kollox, disa’ miljun ċittadin ta’ pajjiżi terzi huma impjegati fis-suq tax-xogħol tal-UE f’setturi u okkupazzjonijiet kritiċi.

F’dan ir-rigward, Davinia Wood mill-DĠ għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea, enfasizzat li Id-demografija fl-Ewropa turina li jeħtieġ li nbiddlu n-narrattiva tal-migrazzjoni għal waħda pożittiva, u żiedet tgħid li, Minkejja l-aspetti diffiċli tal-proposti leġiżlattivi u l-proċeduri, hemm kunsens dwar il-parti esterna u dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

Minkejja li l-patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil għadu jippromovi sħubijiet ta’ talent mal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, jidher li hemm imblokki li jipprevjenu l-implementazzjoni effettiva tiegħu.

Jean-Louis De Brower mill-programm għall-Affarijiet Ewropej fl-Istitut Egmont qal li probabbilment hemm nuqqas ta’ fiduċja u solidarjetà dwar il-patt il-ġdid. Anke llum, id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni tinħass bħala esternalizzazzjoni tar-responsabbiltà għall-politika jew trasferiment tal-oneru, minflok kondiviżjoni tar-responsabbiltà u tal-piżijiet.

Bl-istess raġunament, Estrella Galán, li tirrappreżenta l-Kummissjoni Spanjola Ayuda al Refugiado [Għajnuna lir-Refuġjati], irrimarkat li l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni u l-ażil għandhom ikunu f'idejn il-pajjiżi ta’ dħul, u li dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod aktar proporzjonat, abbażi ta’ responsabbiltà kondiviża u solidarjetà. Id-data ppreżentata mis-Sinjura Galán uriet li, wara l-Italja, Spanja saret it-tieni l-aktar pajjiż popolari ta’ dħul mill-baħar għal persuni li ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq u mill-Amerika Latina.

Ola Henrikson, direttur reġjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) enfasizza wkoll il-kunċett ta’ sħubija bħala element importanti għad-diskussjonijiet dwar il-migrazzjoni, għat-trawwim ta’ kooperazzjoni transreġjonali fil-qasam tal-migrazzjoni tal-ħaddiema u għall-bini ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi terzi.

Il-politika tal-iżvilupp fl-Afrika tista’ twaqqaf il-migrazzjoni illegali

Kontribut pożittiv għall-iżvilupp fl-Afrika, li hija vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, jista’ jġib stabbiltà soċjali, politika u ekonomika.

Fil-fehma tal-MEP Pierrette Herzberger-Fofana, l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat għall-Iżvilupp, Il-politiki tal-iżvilupp huma intrinsikament marbuta mal-migrazzjoni. L-UE għandha influwenza fuq il-pajjiżi tas-Saħara li jiffukaw fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Madankollu, huwa importanti li l-UE tbiddel il-perspettiva tagħha u tfittex modi kif tapplika l-prinċipji mingħajr ma ħadd jitħalla jibqa' lura, biex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Dr Chiyoge B. Sifa, direttur reġjonali tal-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali (ICA) għar-reġjun tal-Afrika, enfasizzat l-importanza tas-sħubija bejn l-ICA u l-UE u l-programmi multilaterali ffinanzjati mill-fondi tal-UE, li għandhom rwol sinifikanti biex jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jaqbdu r-rotot għall-Mediterran. Hija sostniet li, L-Afrika hija l-kontinent bl-aktar popolazzjoni żagħżugħa, li hija kemm barka kif ukoll problema jekk ma tiġix ġestita b’mod tajjeb, u spjegat li ż-żgħażagħ Afrikani investew ħafna fl-immigrazzjoni lejn l-Ewropa, jekk ma setgħux isibu futur aħjar għalihom fl-Afrika.

Il-promozzjoni tal-istabbiltà reġjonali fl-Afrika u l-bini tal-momentum għall-integrazzjoni reġjonali huma politiki ewlenin li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati. Joseph Bikanda, li jirrappreżenta n-Network Pan-Afrikan tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, iddikjara li pjan direzzjonali politiku nnegozjat mal-awtoritajiet lokali u l-gvern, li fih l-interess tas-setturi kollha tas-soċjetà jiġu protetti jibqa’ d-direzzjoni l-aktar vijabbli u sostenibbli.

Fl-aħħar nett, Giacomo Durazzo, Ambaxxatur u Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Mauritania, enfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra t-traffikar, mudell ta’ negozju li jħalli ħafna profitt, xi drabi appoġġjat minn awtoritajiet politiċi, li għandu għeruq profondi fir-reġjun Afrikan.

L-istabbiliment ta’ sħubijiet b’saħħithom bejn il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu li ma għandhomx governanza tal-migrazzjoni hija politika ewlenija biex jiġi indirizzat it-traffikar. Is-Sur Durazzo indika wkoll il-ħtieġa li jsir investiment fi programmi ta’ kooperazzjoni li jiffokaw fuq iż-żgħażagħ u jippromovu l-opportunitajiet ta’ impjieg. Huwa rrefera għall-Mauritania bħala mudell, u semma l-kooperazzjoni eżemplari mal-awtoritajiet lokali li rnexxielhom jikkonfrontaw in-networks tat-traffikar u l-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ persuni.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-istruttura tas-soċjetà ċivili fil-kontinent għandha tiġi rinforzata, peress li mhijiex integrata sew la fl-Afrika u lanqas fl-Ewropa. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa element ewlieni, li għandu jitqies meta jitfasslu l-ftehimiet tal-UE mal-Afrika.

Downloads

Id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni jeħtieġ li tkun ankrata fil-politika estera tal-UE