European Economic
and Social Committee
It-tkabbir: l-għodda ta' politika tal-UE l-aktar b'saħħitha u li l-aktar tirnexxi
Minn Pat Cox
Il-mistieden speċjali tagħna, l-eks President tal-Parlament Ewropew Pat Cox, jiftakar it-tkabbir enormi ta’ 20 sena ilu bħala żmien ta’ tama eċċezzjonali meta l-kontinent sa fl-aħħar ġibed nifs li mela ż-żewġ naħat tal-pulmun tiegħu: il-Lvant u l-Punent. U filwaqt li l-mit ta’ Putin tal-fratellanza Slavika qed isir realtà fl-isfond ta’ splużjonijiet minn missili ballistiċi, l-UE tibqa’ unjoni volontarja ta’ persuni liberi u sovrani, ibbażata fuq il-valuri ewlenin tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt.
Personalment, l-avveniment ospitat f’Dublin mill-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 u ċ-ċerimonja ta’ merħba fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu fit-3 ta’ Mejju 2004 jispikkaw politikament iżda wkoll emozzjonalment bħala jiem ta’ pożittività u tama liema bħalhom u bħala atti simboliċi ta’ ritorn lejn id-dar, ta’ riunifikazzjoni u tal-kontinent li jieħu nifs sħiħ fuq iż-żewġ naħat tal-pulmun tiegħu: il-Lvant u l-Punent F’Dublin Seamus Heaney qara l-poeżija tiegħu Beacons at Bealtaine, li tesprimi l-ottimiżmu sottostanti li dan it-tkabbir storiku jista’, skont l-istess l-poeżija, iqanqal l-emozzjonijiet, ibiddel il-mentalità u joħroġ sinifikati ġodda ("Move lips, move minds and make new meanings flare"). Fi Strażburgu, l-10 bnadar nazzjonali tal-Istati Membri l-ġodda ttellgħu fuq arbli enormi li saru fit-tarzni ta’ Gdańsk, rigal mill-Polonja, bil-vjaġġ tagħhom lejn Strażburgu jservi ta’ tfakkira simbolika tal-vjaġġ mill-komuniżmu għal-libertà, ippersonalizzat mill-preżenza ta’ Lech Wałęsa.
Naturalment, għal kulħadd, l-avveniment kien il-qofol ta’ proċess twil u kumpless ta’ tħejjija reċiproka tul ħafna snin. Kien hemm ferħ iżda wkoll sens ta’ serħan wara l-konklużjoni ta’ dik li kienet maratona politika u proċedurali għal dawk kollha involuti.
L-argument tiegħi huwa li t-tkabbir jaf kien l-aktar għodda politika b’saħħitha, trasformattiva u ta’ suċċess tal-UE matul l-aħħar ħames deċennji. Pajjiżi stess, l-Irlanda, issieħeb fl-ewwel tkabbir fl-1 ta’ Jannar 1973, l-ifqar stat/reġjun ta’ dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea. L-aċċess għal suq kbir, flimkien mas-solidarjetà tal-UE permezz ta’ fondi reġjonali, u aktar tard fondi ta’ koeżjoni, fl-ewwel deċennji ta’ sħubija, standards ogħla dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-politika ambjentali, appoġġ għall-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq u rikonoxximent tal-konsegwenzi ta’ sfida uniċi tal-Brexit għall-Irlanda, l-uniku stat tal-UE li jikkondividi fruntiera tal-art mar-Renju Unit, ilkoll flimkien joffru esperjenza u eżitu partikolarment pożittivi. Mhux kollox mexa ħarir, b’mod partikolari matul il-kriżi taż-żona tal-euro, iżda f’termini netti t-tkabbir kien pożittiv b’mod qawwi.
Filwaqt li nirrispetta kif ukoll jiddispjaċini għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, din turi ħaġa waħda b’mod ċar: l-UE hija Unjoni volontarja ta’ popli liberi u sovrani – liberi li jissieħbu, liberi li jitilqu. X’kuntrast qawwi mal-gwerra neo-imperjali li Putin għażel kontra l-Ukrajna, fejn il-mit tiegħu tal-fraternità Slavika qed jitwassal kuljum mill-armi tan-nar, l-isplużjonijiet tal-missili ballistiċi u d-droni qattiela.
L-adeżjoni tal-Greċja, il-Portugall u Spanja għenet biex tirfed it-tfiġġija mill-ġdid tagħhom bħala demokraziji ta’ suċċess wara d-dittatorjat minbarra li ġabet titjib fl-istandards tal-għajxien u fil-kwalità tal-ħajja.
It-tkabbir enormi ta’ 20 sena ilu ġab miegħu tkabbir spettakolari għall-Istati Membri l-ġodda, speċjalment dawk tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, permezz ta’ żieda qawwija fl-investiment, il-kummerċ u s-solidarjetà tal-UE. Bħala medja, il-PDG per capita tagħhom, aġġustat għall-inflazzjoni u l-munita, kiber minn inqas minn nofs il-medja tal-UE għal tliet kwarti tal-medja tal-UE li baqħet tikber matul iż-żewġ deċennji. Il-PDG per capita tal-Litwanja ttrippla f’dan il-perjodu. Is-saħħa tjiebet, u l-edukazzjoni wkoll, u dan wassal għal progress kemm fil-kwalità tal-ħajja kif ukoll fil-livell tal-għajxien. Il-produzzjoni agrikola fir-reġjun kollu rduppjat. Fil-qosor, bħal fil-każ tat-tkabbir preċedenti kollu, dan wera li huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd kemm għall-istati aderenti kif ukoll għall-UE. Allura nqis lili nnifsi ottimist fir-rigward tat-tkabbir, iżda mhux inġenju.
L-avvenimenti fil-Polonja f’dawn l-aħħar snin u b’mod persistenti fl-Ungerija juru kif l-illaxkar mill-istandards tal-UE fir-rigward tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-media jew ir-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi jiżvela adeżjoni mal-UE bħala mezz għall-prosperità iżda fl-istess waqt averżjoni kontra l-UE bħala komunità ta’ valuri kondiviżi. Il-Prim Ministru tal-Ungerija bi kburija jipproklama li tiegħu hija demokrazija illiberali. Ikun xi jkun il-marġni ta’ interpretazzjoni li wieħed jista’ jkollu fir-rigward tal-Artikolu 2 tat-TUE, huwa ċar ħafna li t-Trattat mhuwiex karta ta’ demokrazija illiberali. (“L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”.)
Dan kien parti mill-ftehim ta’ sħubija fl-UE u huwa minqux fit-trattati kollha tal-adeżjoni u kien hemm qbil dwaru mill-istati aderenti kollha. Il-formula ta’ “żomm il-valuri tiegħek iżda tini flusek” mhijiex bażi sostenibbli għar-rispett reċiproku – xi ħaġa li m’għandhiex titwarrab fir-rigward tal-istati kandidati attwali fi triqthom lejn l-adeżjoni eventwali tagħhom fl-UE. Nistenna li l-kriterji ta’ Copenhagen se jkollhom rwol aktar fundamentali fin-negozjati futuri, possibbilment bi klawsoli tat-trattat tal-adeżjoni li joffru lill-UE kapaċità aktar robusta biex tiddefendi d-drittijiet u l-valuri milli jillaxkaw. L-UE mhijiex biss suq, u l-progress materjali, għalkemm mixtieq, la huwa l-unika raison d’être u saħansitra lanqas mhu raison d’être essenzjali.
Minkejja dan, fuq il-bażi tar-rekord s’issa, it-tkabbir kien essenzjalment pożittiv għal dawk kollha involuti u għandu jiġi indirizzat b’perspettiva pożittiva. Il-pajjiżi kandidati se jkollhom jgħaddu minn trasformazzjonijiet sinifikanti, kull wieħed bir-ritmu tiegħu. L-UE wkoll għandha x’tagħmel f’termini tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kapaċità baġitarja tagħha biex tassorbi Stati Membri ġodda, u fl-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni. Wara li jkun ingħata l-istatus ta’ stat kandidat u wara l-iskrinjar, imbagħad l-oqfsa ta’ negozjar, il-ftuħ ta’ kapitolu b’kapitolu u l-għeluq tan-negozjati u t-trattati eventwali tal-adeżjoni lkoll jeħtieġu l-unanimità tal-Kunsill. L-ebda wieħed minn dawn ma huwa kompitu sempliċi jew faċli. Wieħed jittama li l-Istati Membri kollha juru rispett għad-dmir ta’ “kooperazzjoni sinċiera” li jassistu fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattat (Artikolu 4(3) tat-TUE).
L-Ukrajna hija każ differenti f’termini ta’ kumplessità minħabba d-daqs tagħha, is-sehem relattiv tal-agrikoltura mill-PDG meta mqabbel mal-medja tal-UE, u l-faqar komparattiv tal-pajjiż f’termini ta’ PDG per capita, u naturalment minħabba l-gwerra u l-konsegwenzi devastanti tagħha. In-negozjati jistgħu jibdew. L-Ukrajna diġà tinsab fit-triq lejn l-integrazzjoni permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv tagħha mal-UE. Dawn jistgħu jiġu estiżi ftit ftit maż-żmien iżda fl-aħħar mill-aħħar eżitu territorjali stabbilit u paċi stabbli – li fihom is-sħubija fl-UE jista’ jkollha rwol – se jkunu prekundizzjoni essenzjali għall-adeżjoni. L-UE teħtieġ stabbiltà mhux kaos fuq in-naħa tal-Lvant tagħha, u fl-aħħar mill-aħħar li tħaddan l-Ukrajna huwa fl-interess kollettiv tagħha stess u tal-Ukrajna.
PAT Cox, eks President tal-Parlament Ewropew mill-2002 sal-2004
Pat Cox huwa politiku u ġurnalist Irlandiż. Huwa kien il-President tal-Parlament Ewropew mill-2002 sal-2004, u l-President tal-Moviment Ewropew Internazzjonali (2005–2011). Huwa ilu fit-tmexxija tal-Fondazzjoni Jean Monnet għall-Ewropa mill-2015. Huwa wkoll Koordinatur Ewropew għall-Kuritur tan-Network Ewlieni (UE) tat-TEN-T (trasport) Skandinavu-Mediterranju kif ukoll mexxej tal-Missjoni ta’ Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet u l-Implimentazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Riforma Parlamentari tal-Verkhovna Rada fl-Ukrajna. Fil-bidu tal-karriera tiegħu, ħadem bħala xandar televiżiv tal-ġrajjiet kurrenti ma’ RTE f’Dublin. Fl-2004, is-Sur Cox rebaħ il-Premju Internazzjonali Karlu Manju 2004 ta’ Aachen għall-impenn parlamentari tiegħu għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea.