European Economic
and Social Committee
Il-forza fixkiela taċ-ċirkolarità: il-konferenza ewlenija tal-KESE tmexxi t-tranżizzjoni tal-Ewropa
Din is-sena, il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, inizjattiva żviluppata u ospitata b’mod konġunt mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), ingħaqdet mal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE u l-Forum Dinji dwar l-Ekonomija Ċirkolari ibbażat fil-Finlandja għall-konferenza ewlenija tagħha fil-15 u s-16 ta’ April.
Il-konferenza saret fil-Brussels Convention Centre (SQUARE), laqqgħet aktar minn 1000 parteċipant u 150 kelliem, u wriet soluzzjonijiet ċirkolari li jħallu impatt, iggwidati mill-aħħar sejbiet xjentifiċi. Id-delegati tal-KESE qasmu l-istorja ta’ suċċess tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari.
Cillian Lohan, membru tal-KESE u kofundatur tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, faħħar il-Pjattaforma bħala n-“network ta’ networks,” li jgħaqqad it-tfassil tal-politika u s-soċjetà ċivili għall-progress ċirkolari. Anders Ladefoged, membru tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, enfasizza r-rwol tagħha fid-diskussjoni tal-progress u l-lakuni ċirkolari tal-Ewropa, bħala pjattaforma għall-kollaborazzjoni u t-tagħlim. Maria Nikolopoulou, membru tal-KESE, enfasizzat l-interattività dejjem tikber tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, li tiffaċilita d-djalogu permezz ta’ inizjattivi bħal #EUCircularTalks.
Matul il-plenarja tal-għeluq tal-konferenza, il-Kummissarju għas-Sħubijiet Internazzjonali, Jutta Urpilainen, ħabbret żewġ inizjattivi li jappoġġjaw it-tranżizzjoni globali lejn ekonomija ċirkolari: iċ-Ċentru tal-UE għar-Riżorsi tal-Ekonomija Ċirkolari iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea bi EUR 15-il miljun, u l-programm “SWITCH to Circular Economy in East and Southern Africa” (għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika), li għalih il-Kummissjoni se tikkontribwixxi EUR 40 miljun fuq ħames snin. Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari wiegħdet appoġġ għaż-żewġ inizjattivi.
Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, li tnediet mill-KESE u l-Kummissjoni Ewropea fl-2017, tippromovi d-djalogu, ixxerred prattiki tajbin u tipprovdi informazzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari biex il-viżjonijiet jinbidlu f’azzjonijiet. Il-KESE ilu jippromovi b’mod attiv iċ-ċirkolarità sa mill-2015 meta appoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari. Il-Pjattaforma sservi bħala sforz konġunt biex tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha fit-twettiq ta’ viżjoni ċirkolari, bil-għan li taċċellera t-tranżizzjoni permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni. (ks)