European Economic
and Social Committee
Tinħtieġ azzjoni urġenti għal strateġija industrijali tal-UE
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed iħeġġeġ lill-UE timplimenta strateġija industrijali robusta li ssaħħaħ il-kompetittività, toħloq impjiegi ta’ kwalità u tallinja mal-Patt Ekoloġiku. Biex tirnexxi, din l-istrateġija trid tiġi mmonitorjata mill-qrib u adattata għall-isfidi emerġenti.
“L-Ewropa qed taffaċċja riskju serju ta’ deindustrijalizzazzjoni. L-industrija u l-azzjoni klimatika jridu jimxu id f’id,” qal Andrea Mone, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Il-futur tal-industrija tal-UE quddiem il-prezzijiet għoljin tal-enerġija u l-ispejjeż tat-tranżizzjoni, adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Frar.
Fl-Opinjoni, il-KESE enfasizza l-ħtieġa għal qafas ekonomiku u regolatorju b’saħħtu biex jiġu indirizzati l-kostijiet għoljin tal-enerġija u tal-materja prima, l-isfidi tal-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika, id-diskrepanzi fl-infrastruttura, in-nuqqas ta’ ħiliet u d-domanda interna dgħajfa. Politika tal-kompetizzjoni ffukata fuq l-investiment u l-innovazzjoni hija kruċjali biex trawwem il-koeżjoni soċjali u territorjali.
L-appell l-KESE għal azzjoni urġenti qed isir fi żmien ta’ tħassib dejjem jikber rigward is-sigurtà ekonomika tal-Ewropa u d-dipendenzi esterni tagħha. F’era ta’ tali inċertezzi ġeopolitiċi u kummerċjali dejjem akbar, hija meħtieġa politika kummerċjali tal-UE reżiljenti biex tissalvagwardja s-sostenibbiltà industrijali f’ċirkostanzi ta’ għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni asimmetriċi, kapaċità żejda globali, u tensjonijiet kummerċjali li qed jiżdiedu. Biex jintlaħaq dan l-għan hija essenzjali awtonomija akbar fl-iżgurar ta’ materja prima kritika.
Iż-żieda fl-investiment, kif enfasizzat fir-rapport ta’ Draghi, u r-riformi tal-governanza huma kruċjali. Suq uniku unifikat, b’mod partikolari fl-enerġija, se jsaħħaħ l-ekonomija tal-UE. It-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji, l-irfinar tal-oqfsa tas-suq tal-elettriku u t-titjib tal-għodod finanzjarji bħall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija se jwieżnu t-tranżizzjonijiet tal-industrija.
Tranżizzjoni ġusta titlob djalogu soċjali b’saħħtu u negozjar kollettiv. Il-politika industrijali trid tallinja mal-istrateġiji tal-edukazzjoni u tal-forza tax-xogħol, b’enfasi fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-bini tal-ħiliet. L-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari se jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi.
Il-KESE adotta wkoll Opinjoni supplimentari dwar Il-futur tal-industriji tal‑UE li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, li tipproponi soluzzjonijiet imfassla apposta biex jiżguratw is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom. L-indirizzar tal-isfidi speċifiċi li jaffaċċjaw huwa kruċjali għall-futur industrijali tal-UE. (ll)