European Economic
and Social Committee
Is-saħħa għandha tibqa’ prijorità ewlenija fil-leġiżlatura l-ġdida
Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili
Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jappellaw lil dawk li jfasslu l-politika biex jintroduċu “kontroll tas-saħħa” għall-politiki futuri kollha. L-appell tagħhom: id-“Dritt għas-Saħħa” jrid jibqa’ fil-quċċata tal-aġenda tal-UE u dawk nazzjonali fil-leġiżlatura l-ġdida, li huwa dak li l-Ewropej talbu fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
Il-miżuri tas-saħħa nazzjonali u Ewropej iridu jkunu kkoordinati u allinjati aħjar sabiex jinbena settur tas-saħħa aktar sostenibbli li jkun reżiljenti għal skossi futuri u jiggarantixxi aċċess ugwali għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għal kulħadd.
L-investiment, il-prevenzjoni, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u l-edukazzjoni bikrija dwar is-saħħa huma mistennija li jkollhom rwol ewlieni f’dan, skont il-konferenza dwar L-Istat tas-Saħħa fl-UE, li saret fl-4 ta’ Ġunju f’Liège. L-avveniment ġie organizzat mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, flimkien mas-CHU Liège u l-Hôpital de la Citadelle, fil-kuntest tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE.
“Fil-leġiżlatura li jmiss, 2024-2029, is-saħħa trid tibqa’ prijorità strateġika ewlenija għall-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, il-Parlament Ewropew il-ġdid u l-Kunsill,” qal Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili. L-istituzzjonijiet Ewropej jenħtieġ li jħaddnu approċċ “Saħħa Waħda” li jippromovi l-interkonnessjonijiet bejn il-politika tas-saħħa u t-tibdil demografiku, it-tranżizzjoni diġitali u ambjentali, is-sigurtà ekonomika u l-politika industrijali.
Is-Sur Boland enfasizza li l-politika tas-saħħa tista’ tiffunzjona b’mod effettiv biss jekk tiġi ġestita flimkien ma’ servizzi soċjali aċċessibbli, adegwati u ta’ kwalità għolja u politiki soċjali pubbliċi u jkollha għadd suffiċjenti ta’ professjonisti tas-saħħa mħarrġa sew. Huwa tenna l-ħtieġa għal involviment dirett u responsabbiltà fil-kura tas-saħħa għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħall-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, u żied jgħid: “L-adozzjoni u s-suċċess tal-inizjattivi u l-programmi Ewropej dwar is-saħħa jiddependu fuq djalogu trasparenti, regolari u strutturat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-kapaċità tagħhom li jwettqu dan ix-xogħol tiddependi fuq il-kisba ta’ finanzjament sostenibbli u prevedibbli.”
Il-konferenza ddiskutiet diversi aspetti fundamentali għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa msaħħa:
- L-impenn għal Saħħa Waħda;
- L-innovazzjonijiet diġitali u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa;
- Sostenibbiltà u sistemi tas-saħħa li jibqgħu validi fil-futur permezz ta’ investiment soċjali; u
- Il-ġlieda globali kontra l-inugwaljanzi fis-saħħa permezz tas-solidarjetà Ewropea: il-każ ta’ mard rari.
Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza se jiġu ppubblikati fuq il-paġna web tal-avveniment.
Aktar dwar il-konferenza fl-istqarrija għall-istampa tagħna.