European Economic
and Social Committee
Ix-xjenzati u s-soċjetà ċivili jappellaw għal għaxar azzjonijiet politiċi deċiżivi biex jiġu evitati punti kritiċi ambjentali u soċjali irriversibbli
Il-5 Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ewropa żvela li bir-ritmu attwali, l-UE mhix mistennija tilħaq terz tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) sal-2030. Ir-rapport, li tfassal b’mod konġunt mas-soċjetà ċivili, jenfasizza l-istaġnar u r-rigressjoni fl-għanijiet ambjentali u soċjali f’ħafna pajjiżi Ewropej, u li aggravaw bil-kriżijiet li seħħew wara l-2020. L-SDGs ikopru oqsma bħalma huma t-tnaqqis tal-faqar, l-ebda ġuħ, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-azzjoni klimatika, u l-ilma nadif.
Biex dan jiġi indirizzat, ġew proposti għaxar azzjonijiet politiċi deċiżivi biex jiġu evitati punti kritiċi ambjentali u soċjali irriversibbli. Din l-urġenza ġiet enfasizzata matul avveniment koospitat mis-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u min-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDSN). Ir-rapport għandu l-għan li jiggwida lill-UE biex tagħti spinta lit-tmexxija tagħha rigward l-SDGs qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2024 u s-Summit tal-Futur ta’ Settembru 2024 li tlaqqa’ mis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
Fl-avveniment, il-kelliema enfasizzaw il-ħtieġa għal azzjoni minnufih qabel l-2030 biex jiġu evitati punti kritiċi irriversibbli. Camilla Brückner min-NU/UNDP, Zakia Khattabi, Ministru Federali Belġjan għall-Klima, u Petra Petan mill-Kummissjoni Ewropea, saħqu dwar l-importanza li nżommu l-impenn għall-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.
Guillaume Lafortune, Viċi President tal-SDSN tan-NU, ippreżenta r-rapport u l-għaxar azzjonijiet prijoritarji mmirati lejn il-partiti politiċi, il-Parlament Ewropew li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea li jmiss, il-Kunsill Ewropew, u l-Istati Membri. Is-sejħa għal azzjoni, iffirmata b’mod konġunt mill-KESE u l-SDSN, tħeġġeġ lill-mexxejja Ewropej jaħdmu flimkien għal Patt Ewropew għall-Futur li jkun ekoloġiku, soċjali u internazzjonali. Peter Schmidt, il-President tas-Sezzjoni NAT tal-KESE, enfasizza li s-sitt snin li ġejjin huma kruċjali biex jintlaħaq progress fl-Aġenda 2030, u enfasizza l-impenn tal-KESE li jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE favur l-SDGs u l-involviment sinifikanti tas-soċjetà ċivili. Is-sejħa għal azzjoni tinsab f’pożizzjoni li tiggwida lill-mexxejja Ewropej lejn patt Ewropew komprensiv allinjat mal-għanijiet ekoloġiċi u soċjali li l-KESE jippromovi. (ks)