European Economic
and Social Committee
L-Ewropa trid tipprijoritizza l-kompetittività u l-integrazzjoni biex tibqa’ fuq quddiem
L-UE teħtieġ fokus aktar qawwi fuq il-politika tal-kompetizzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività globali tagħha, tagħti spinta lill-produttività, u tiżgura li s-Suq Uniku jibqa’ pilastru tas-saħħa ekonomika.
Fil-plenarja tiegħu ta’ Jannar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta l-Opinjoni bit-titolu Politika tal-kompetizzjoni fil-qalba tal-kompetittività tal-UE. L-Opinjoni tappella għal integrazzjoni aktar profonda tal-ekonomiji nazzjonali u strateġiji ta’ għajnuna mill-Istat aktar intelliġenti biex jiġi sfruttat il-potenzjal ekonomiku tal-Ewropa u jiġu indirizzati l-isfidi globali ewlenin, inklużi d-diġitalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u r-reżiljenza.
Il-KESE enfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni hija kritika għat-trawwim tal-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u t-tkabbir ekonomiku. “M’hemm l-ebda kunflitt bejn il-kompetizzjoni u l-kompetittività”, qalet ir-relatur Isabel Yglesias. “Bi proċeduri simplifikati, għodod flessibbli u riżorsi suffiċjenti, il-politika tal-kompetizzjoni tista’ tixpruna l-prosperità għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE.”
Ir-regoli l-ġodda tal-kompetizzjoni tal-UE, bħall-Att dwar is-Swieq Diġitali u r-Regolament dwar is-Sussidji Barranin, diġà qed jindirizzaw id-distorsjonijiet tas-suq u jsaħħu l-pożizzjoni globali tal-blokk. Madankollu, il-KESE jappella għal aktar miżuri biex jiġu modernizzati l-valutazzjonijiet tal-fużjonijiet u jiġi żgurat li l-fużjonijiet xprunati mill-innovazzjoni jiġu kkontrollati b’mod effettiv, anke jekk dawn jaqgħu taħt il-limiti attwali tal-UE.
L-Opinjoni tenfasizza r-rwol vitali tal-għajnuna mill-Istat fl-appoġġ tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Madankollu, is-sussidji kkoordinati ħażin jirriskjaw li jimminaw il-produttività u t-tkabbir. L-istudji juru li koordinazzjoni aħjar fi ħdan l-UE tista’ tagħti spinta lill-produttività b’aktar minn 30 %. Il-KESE jirrakkomanda l-allinjament tas-sussidji madwar l-Istati Membri biex jissaħħu l-ktajjen tal-valur Ewropej u jiġu evitati l-ineffiċjenzi.
Il-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) u l-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost għandhom jitfasslu b’perspettiva pan-Ewropea sabiex jixprunaw l-innovazzjoni industrijali fuq skala kbira. Dawn l-għodod iridu jiżguraw li l-benefiċċji jitqassmu b’mod ġust madwar l-Unjoni, waqt li jippromwovu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza.
Biex l-UE tiġi ppożizzjonata bħala mexxejja globali, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal:
- Integrazzjoni akbar biex jitnaqqsu s-sussidji allokati ħażin u tingħata spinta lill-produttività;
- Regoli aktar b’saħħithom għall-protezzjoni tal-innovazzjoni Ewropea fil-kuntest ta’ akkwiżizzjonijiet barranin;
- Kompetizzjoni simplifikata u aktar mgħaġġla u proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat biex tiżdied l-effiċjenza; u
- Politika bbilanċjata ta’ fużjonijiet li tippromovi l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-investiment fl-infrastruttura. (ll)