European Economic
and Social Committee
Il-President tas-Sezzjoni TEN tal-KESE, Baiba Miltoviča, u r-relatur tal-KtR, Andres Jaadla, jiffirmaw id-Dikjarazzjoni dwar l-Akkomodazzjoni
Fi stqarrija konġunta ffirmata fl-14 ta’ Novembru, Baiba Miltoviča, President tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN) tal-KESE u Andres Jaadla, relatur tal-Opinjoni dwar l-akkomodazzjoni, tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), appellaw lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jadottaw miżuri urġenti biex joħorġu lill-Unjoni Ewropea mill-kriżi attwali tal-akkomodazzjoni. Huma jilqgħu wkoll il-ħatra ta’ Kummissarju Ewropew għall-Enerġija u l-Akkomodazzjoni, li se jingħata l-kompitu li jressaq l-ewwel pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli li qatt sar.
Dikjarazzjoni dwar l-Akkomodazzjoni
- Nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex torganizza Summit annwali tal-UE dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli fi sħubija mal-Parlament Ewropew, il-KESE u l-KtR. Dan is-summit annwali tal-UE għandu jlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, abbażi ta’ approċċ f’diversi livelli u l-iskambju tal-aħjar prattiki f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;
- Aħna nappoġġjaw il-pjan tal-Kummissarju nnominat inkarigat mill-akkomodazzjoni biex tiġi stabbilita pjattaforma ta’ investiment pan-Ewropea għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli biex jiġu appoġġjati b’mod urġenti s-sħubijiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex tintemm l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, fi sħubija mal-KESE u l-KtR;
- Nirrimarkaw li jeħtieġ jiġu esplorati modi innovattivi biex tingħata spinta lill-investiment pubbliku u jiġu mobilizzati l-fondi eżistenti tal-UE jekk irridu nsibu soluzzjoni fit-tul għall-kriżi tal-akkomodazzjoni;
- Nappellaw lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jappoġġaw ir-rinnovazzjoni fil-fond tal-bini residenzjali abbażi ta’ appoġġ finanzjarju diversifikat, fit-tul u innovattiv u oqfsa legali koerenti, immirati lejn popolazzjonijiet vulnerabbli kif ukoll atturi ewlenin fuq il-post, b’mod partikolari l-komunitajiet tal-enerġija u l-awtoritajiet lokali;
- Nappellaw għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi f’livelli differenti ta’ governanza: l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-gvernijiet reġjonali, l-awtoritajiet lokali.
Aħna nimpenjaw ruħna li ngħinu fl-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta’ Liège billi nikkondividu l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-UE kollha bħala parti minn sforz konġunt mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kriżi tal-akkomodazzjoni u tissaħħaħ il-koeżjoni Ewropea min-naħat kollha.