European Economic
and Social Committee
L-elezzjonijjet tal-Istati Uniti: jeħtiġilna nkunu lesti nfendu għal rasna dwar kwistjonijiet strateġiċi ewlenin
Minn Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem
Donald Trump rebaħ l-elezzjonijiet tal-Istati Uniti u se jkun President għat-tieni darba. Il-votazzjoni hija ċara u trid tiġi rispettata. Iżda x’imiss issa?
L-UE u l-Istati Uniti jibqgħu msieħba ġeopolitiċi u kummerċjali ewlenin peress li r-relazzjoni tagħna hija bbażata fuq il-prinċipju tar-reċiproċità. Ma hemm l-ebda lok għal iżolazzjoniżmu jew protezzjoniżmu fid-dinja interkonnessa tal-lum, peress li dawn l-approċċi jmorru kontra l-kooperazzjoni reċiproka u globali tagħna u kontra l-prosperità ekonomika.
L-UE u l-Istati Uniti huma l-akbar imsieħba ta’ xulxin fil-qasam tal-kummerċ. Il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti jinsab f’livell għoli storiku, b’aktar minn EUR 1,6 triljun fl-2023 u bi stokks ta’ investiment bilaterali li jammontaw għal EUR 5 triljun. L-Istati Uniti huma sors ewlieni ta’ investiment dirett barrani (IDB) fl-UE, u l-IDB tal-Istati Uniti fl-Ewropa huwa stmat għal madwar USD 3,6 triljun, waqt li l-investiment tal-UE fl-Istati Uniti huwa ta’ madwar USD 3 triljun. Dan l-investiment reċiproku jsaħħaħ l-interdipendenza ekonomika u joħloq miljuni ta’ impjiegi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.
Għal din ir-raġuni, huwa importanti li nkomplu naħdmu fuq ir-relazzjoni tagħna. L-impożizzjoni ta’ tariffi fuq il-prodotti tal-UE, kif Trump issuġġerixxa diġà, u l-implimentazzjoni ta’ tariffi ta’ bejn 10 % u 20 % fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha, inkluża l-UE, se jdaħħluna fi sqaq. Huwa għalhekk li qed nappellaw għal djalogu aktar miftuħ u aġenda li tħares ’il quddiem għall-kooperazzjoni.
Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti ffaċilita d-djalogu dwar kwistjonijiet kritiċi bħall-intelliġenza artifiċjali u s-semikondutturi. Jekk, minn naħa, id-djalogu jrid jissaħħaħ u jittejjeb, min-naħa l-oħra l-UE jeħtiġilha tħaffef il-pass tar-riformi tal-politiki tagħha, taġixxi u tfittex l-aħjar mod biex issib modi kif tikkoopera mal-Istati Uniti.
Jeħtiġilna nħejju wkoll għax-xenarju li fih, fir-rigward ta’ kwistjonijiet importanti bħat-tibdil fil-klima u l-Ukrajna, jaf ikollna nfendu għal rasna. Din hija possibbiltà reali ħafna u, bħala tali, għandna nibdew nittrattawha bħala r-realtà l-ġdida de facto.