Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) talab li l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2025 – li jistabbilixxi l-prijoritajiet leġiżlattivi u ta’ politika tal-UE – jiffoka fuq ir-reżiljenza ekonomika, il-ġustizzja soċjali u s-sostenibbiltà. F’dibattitu plenarju mal-Kummissarju għall-Ekonomija u għall-Produttività, Valdis Dombrovskis, il-KESE – li jaqdi rwol kruċjali fit-tfassil tal-programm ta’ ħidma – afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jgħin fl-iżvilupp ta’ aġenda li tindirizza l-isfidi urġenti waqt li tibni Unjoni Ewropea aktar inklużiva u li tħares ’il quddiem.

F’Diċembru 2024, il-KESE ppreżenta l-kontribut għall-programm ta’ ħidma bit-tema Nimxu ’l quddiem flimkien: Unjoni aktar kuraġġuża, sempliċi u rapida. Din il-viżjoni tfittex li tindirizza l-isfidi ekonomiċi u ġeopolitiċi tal-UE b’mod dirett. Kull sena, permezz ta’ konsultazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet estensivi, il-KESE jirfina l-programm ta’ ħidma biex jiżgura li dan jaqdi bl-aħjar mod liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej.

Il-President tal-KESE Oliver Röpke laqa’ l-kollaborazzjoni qawwija mal-Kummissjoni Ewropea. Waqt li rrikonoxxa l-isforzi tal-Kummissjoni, huwa appella għal approċċ aktar ambizzjuż u inklużiv. Huwa qal, “Aħna nibqgħu impenjati li nsawru politiki li jippromovu l-istabbiltà ekonomika, l-ekwità soċjali u l-valuri demokratiċi.”

Is-Sur Dombrovskis afferma mill-ġdid li l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-ħames snin li ġejjin għandu l-għan li jagħti spinta lis-sigurtà u l-kompetittività ekonomika. Huwa qal, “Li nieħdu azzjoni biex innaqqsu l-burokrazija huwa element importanti fil-bini ta’ din l-Ewropa aktar kompetittiva. L-aġenda tagħna ta’ semplifikazzjoni hija li niżguraw li r-regoli tagħna jgħinu – u mhux jimpedixxu – l-għanijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u ta’ sigurtà tagħna.”

Prijoritajiet ewlenin għall-2025

Tkabbir ekonomiku u kompetittività

Il-programm ta’ ħidma jiffoka fuq ir-riformi strutturali, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid u swieq kapitali aktar b’saħħithom. Il-KESE jirrakkomanda approċċ usa’ għar-reżiljenza ekonomika, l-indirizzar tat-tkabbir kajman, il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda fl-inċertezza ġeopolitika.

Regolamentazzjoni aktar intelliġenti, mhux sempliċement imnaqqsa

Il-KESE jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, imma jwissi li s-semplifikazzjoni regolatorja m’għandhiex issir a skapitu tal-protezzjoni soċjali jew tal-istandards ambjentali.

Nixprunaw l-innovazzjoni u l-investiment

B’enfasi qawwija fuq in-networks diġitali, l-IA u t-teknoloġiji kwantistiċi, il-programm ta’ ħidma jagħti prijorità lit-tmexxija teknoloġika tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq kundizzjonijiet li jipprevjenu l-ħruġ ta’ kapital u li jrawmu l-investiment fit-tul fl-Ewropa.

Ewropa aktar ġusta u aktar ekoloġika

Il-programm ta’ ħidma għandu l-għan li jsaħħaħ is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali waqt li jindirizza sfidi bħan-nuqqas ta’ ħiliet, is-sigurtà tal-ikel u l-finanzi sostenibbli. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ politiki li jippromovu l-koeżjoni soċjali u tranżizzjoni diġitali ġusta.

Tħejjija għat-tkabbir u l-futur

Hekk kif l-UE qed titħejja għal tkabbir potenzjali wara l-2028, il-programm ta’ ħidma jiddeskrivi l-pjani għall-istabbiltà finanzjarja u politika. Il-KESE jinsisti li l-perspettivi tas-soċjetà ċivili jridu jiġu integrati biex jiġi żgurat li l-politiki jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-Ewropej kollha. (tk)