Minn Diċembru 2023 sa Ġunju 2024, se nintroduċu kolonna ġdida fil-bullettin tal-KESE Info intitolata “Jien se nivvota. U inti?” li tinkludi l-fehmiet tal-kelliema mistiedna tagħna dwar kif wieħed jista’ jipparteċipa fl-elezzjonijiet Ewropej u għaliex għandu jagħmel dan. L-ewwel mistieden tagħna huwa Robert Sermek, il-Kap tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew fis-Slovakkja.

Robert Sermek imexxi tim ta’ seba’ persuni, u huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ komunikazzjoni tal-Parlament fil-livell nazzjonali, kif ukoll għat-tqarrib tal-ħidma tal-Parlament u tal-membri tiegħu lejn iċ-ċittadini Slovakki. Ilu jaħdem fil-Parlament Ewropew sa mill-2007. Huwa kien il-kap tal-proġett għall-prodotti awdjoviżivi fil-kampanji ta’ komunikazzjoni fl-UE kollha qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 u l-2019, u koordinatur editorjali għas-servizzi awdjoviżivi tal-Parlament. Qabel ma ngħaqad mal-amministrazzjoni tal-UE, ħadem bħala ġurnalist u kien korrispondent għall-Aġenzija Slovakka tal-Aħbarijiet TASR u, aktar tard, għar-Radju Slovakk fi Brussell, u kopra perjodu kruċjali tat-taħditiet tal-adeżjoni tas-Slovakkja mal-UE u n-NATO.