Cillian Lohan (l-Irlanda) se jkun wieħed miż-żewġ Viċi Presidenti tal-KESE għal mandat ta’ sentejn u nofs, minn Ottubru 2020 sa Marzu 2023. Huwa se jkun responsabbli għall-komunikazzjoni.

Wara l-ħatra tiegħu, Cillian Lohan, qal: “Qegħdin ngħixu fi żminijiet diffiċli, qed naffrontaw pandemija globali u l-effetti konsegwenzjali tagħha fuq l-ekonomiji tagħna, fi żmien meta jeħtieġ li ninvestu fi tranżizzjoni urġenti lil hinn minn dipendenza fuq sistemi tal-enerġija antikwati. Neħtieġu soluzzjonijiet li jagħtu riżultati għal kulħadd, u neħtieġu tmexxija li nistgħu nafdaw fiha.

“Il-KESE jippreżenta vuċi unika fuq il-mejda .... Il-messaġġi tagħna jridu jaslu għand l-istituzzjonijiet tal-UE b’mod b’saħħtu u ċar.

F'dan iż-żmien diffiċli, "il-KESE jista' jagħti valur miżjud, fis-sens li aħna nibnu konsensus fuq il-kontribut tagħna għall-politiki l-ġodda, u nidentifikaw lakuni fil-leġiżlazzjoni u nagħmlu proposti konkreti sabiex dawn jiġu indirizzati. Il-kontribut tagħna huwa r-riżultat ta’ ħidma bla heda fost il-persunal u l-membri tagħna sabiex nipproduċu perspettivi uniċi siewja li b’mod kritiku għandhom l-appoġġ ta’ dawn il-gruppi differenti tas-soċjetà ċivili kollha. Bħala Viċi President, il-prijorità tiegħi se tkun li nagħti viżibbiltà maġġuri lill-ħidma tagħna”, huwa enfasizza.

Membru tal-Grupp Diversità Ewropa maħtur bħala membru tal-KESE mis-settur ambjentali, Cillian Lohan ħadem fil-qasam tal-politika ambjentali fl-Irlanda mal-entità Irish Environmental Pillar, u serva bħala l-President tan-Network Ambjentali Irlandiż.

Huwa vuċi ewlenija fil-qasam tal-Ekonomija Ċirkolari u kien il-President inawgurali tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, li huwa għen sabiex tiġi stabbilita.

Huwa għandu esperjenza twila bħala delegat ta’ inizjattivi tan-Nazzjonijiet Uniti, bħan-negozjati tal-Konferenza tal-Partijiet dwar il-Klima, u l-Forum Politiku ta’ Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.

Bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Green Economy Foundation, Cillian Lohan issorvelja għadd ta’ proġetti ambizzjużi, fosthom it-tħawwil ta’ aktar minn miljun siġra fl-Irlanda u l-istabbiliment ta’ Riżerva Naturali f’Tobago.

Huwa se jieħu l-kariga bħala Viċi President għall-Komunikazzjoni wara mandat li fih huwa serva bħala kelliem għall-Kategorija tal-Konsumaturi u l-Ambjent tal-KESE.

Huwa kien ir-relatur ta’ bosta Opinjonijiet ewlenin, fosthom l-ewwel test komprensiv fil-livell istituzzjonali tal-UE dwar l-istabbiliment tal-prinċipji tal-Ġustizzja Klimatika: Il-Gustizza Klimatika, il-Pjani ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari tal-2015 u tal-2019, Involviment strutturat taż-Żgħażagħ, Dokument ta’ Riflessjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030”, u Aċċess għall-finanzjament għall-klima. (mr)

Ara messaġġ b’vidjow mill-Viċi President tal-KESE għall-komunikazzjoni: