European Economic
and Social Committee
L-evalwazzjoni tal-KESE titfa’ dawl fuq il-progress li sar mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Il-KESE adotta Rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-UE – strument vitali ta’ EUR 723,8 biljun li ġie introdott fi Frar 2021 biex jgħin lill-Istati Membri jirkupraw mill-pandemija tal-COVID-19. Dan ir-Rapport jinkludi rakkomandazzjonijiet ewlenin li saru mill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja, il-Portugall u r-Rumanija rigward l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
L-evalwazzjoni tal-KESE tidentifika kwistjonijiet li jikkonċernaw l-effettività tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tirreferi għad-dewmien u t-tħassib dwar l-implimentazzjoni fit-tul minħabba l-assorbiment tal-fondi, id-durata limitata tal-pjani u l-kapaċità amministrattiva limitata. Ir-rekwiżiti eċċessivi jfixklu l-aċċess tal-SMEs. Għalkemm is-soċjetà ċivili tqis li l-objettivi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma rilevanti, l-allinjament mal-istrateġiji nazzjonali jirrikjedi koordinazzjoni mtejba.
“Is-soċjetà ċivili organizzata tiddeplora n-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċess tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan, u titlob għal djalogu strutturat u trasparenti, ċirkwiti ta’ feedback u involviment proattiv permezz ta’ kumitat ta’ monitoraġġ attiv”, tispjega Elena Calistru, relatur tal-KESE.
Ir-Rapport jirrakkomanda t-titjib tal-aċċess għal informazzjoni f’waqtha u dettaljata dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġett, it-titjib tal-flessibbiltà fl-għażla tal-proġetti u l-allokazzjoni tal-fondi, u l-istabbiliment ta’ monitoraġġ aktar effettiv u obbligatorju u ta’ mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni għall-valutazzjoni tal-impatt fit-tul tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, bil-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili.