European Economic
and Social Committee
Politika ta’ koeżjoni 2.0: lejn Ewropa aktar b’saħħitha u aktar inklużiva
Fuq talba tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE, il-KESE jipprovdi għarfien dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni, u fl-istess ħin jipproponi rakkomandazzjonijiet għal “politika ta’ koeżjoni 2.0” aktar adattabbli u ffukata soċjalment biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jevolvu bħall-pandemija, it-tibdil fil-klima u t-trasformazzjoni diġitali.
Fil-qalba tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea hemm impenn sod lejn il-prinċipju li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. “Nappellaw sabiex dan jiġi ppreservat, minkejja kwalunkwe imperfezzjoni”, tgħid ir-relatur tal-KESE María del Carmen Barrera Chamorro. “L-imsieħba tas-soċjetà ċivili huma lesti li jallinjaw l-isforzi tagħhom ma’ politika robusta ta’ investiment tal-UE li żżomm dan il-prinċipju fil-qalba tagħha. Hekk kif l-Ewropa qed tiffaċċja xenarju li qed jinbidel, dan il-prinċipju sod jibqa’ jdawwal it-triq lejn futur aktar ekwu”. Il-korelatur David Sventek iżid jgħid: “Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-koeżjoni, huwa essenzjali li tiġi promossa l-interazzjoni bejn il-politiki trasversali tal-UE u l-politika ta’ koeżjoni, sabiex il-politiki kollha jsiru konformi mal-objettivi fundamentali tal-UE u jinkisbu s-sinerġiji”.
Il-KESE jappella għal politika ta’ koeżjoni tal-UE ffukata u adattabbli, u jenfasizza l-impatt tal-inugwaljanza fuq it-tkabbir u l-kompetittività. Huwa jħeġġeġ l-indirizzar tad-disparitajiet bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet, b’enfasi fuq iż-żoni milquta ħażin. L-appoġġ imfassal apposta għal gruppi differenti u l-involviment mal-imsieħba soċjali huma kruċjali. Il-KESE jirrakkomanda politika ta’ koeżjoni modernizzata u flessibbli li tippreserva s-sostenibbiltà tal-SMEs u tappoġġja teknoloġiji strateġiċi f’kumpaniji kbar. Il-kisba ta’ konverġenza reali tinvolvi t-tisħiħ tar-reżiljenza reġjonali, l-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-iżvilupp b’mod immirat u t-trawwim ta’ sħubijiet għal Ewropa aktar inklużiva u adattabbli.