European Economic
and Social Committee
5G – il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tivvaluta l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent
Il-Kummissjoni Ewropea għandha timxi ‘l quddiem fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt multisettorjali tat-teknoloġiji l-ġodda tal-5G u tas-6G. Jinħtieġu għodod u miżuri biex jiġu indirizzati r-riskji u l-vulnerabbiltajiet. Fl-Opinjoni mfassla minn Dumitru Fornea u adottata mill-assemblea fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru, il-KESE jieħu pożizzjoni soda, u jinnota li l-kwistjonijiet soċjali, tas-saħħa u ambjentali jeħtieġ li jiġu eżaminati, bl-involviment taċ-ċittadini u l-atturi rilevanti kollha, minkejja l-fatt li d-dibattitu dwar l-implimentazzjoni tan-networks 5G inbidel f’diskussjoni politika kontroversjali.
Waqt li kien qed jitkellem mill-marġni tas-sessjoni plenarja, is-Sur Fornea qal: “Id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp rapidi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom impatt qawwi fuq l-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. Permezz tal-użu responsabbli ta’ dawn it-teknoloġiji, l-umanità għandha possibbiltà storika li tibni soċjetà aħjar. Madankollu, mingħajr diliġenza dovuta u kontroll demokratiku, il-komunitajiet tagħna jistgħu jiffaċċjaw sfidi serji fl-amministrazzjoni ta’ dawn is-sistemi teknoloġiċi fil-futur.”
Il-pandemija wriet li l-infrastuttura tal-komunikazzjonijiet elettroniċi taqdi rwol importanti fis-soċjetà u tista’ ttejjeb bil-bosta l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, b’impatt dirett fuq il-ġlieda kontra l-faqar. Madankollu, il-periklu potenzjali jeħtieġ li jiġi vvalutat kontinwament. Għal din ir-raġuni, il-KESE jirrakkomanda li għandhom jiġu allokati fondi Ewropej u nazzjonali sabiex jitwettqu riċerka multidixxiplinari u studji tal-impatt profondi li jiffokaw fuq il-bniedem u l-ambjent, u biex dawn ir-riżultati jixxerrdu bil-ħsieb li jinformaw lill-pubbliku u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. (mp)