European Economic
and Social Committee
It-tranżizzjoni għal enerġija sostenibbli fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE: triq lejn in-newtralità klimatika
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE, f’Opinjoni mitluba mill-Presidenza Spanjola u li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju. Huwa u jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u li jiġu promossi alternattivi tal-enerġija sostenibbli, rinnovabbli u kummerċjalment vijabbli, il-KESE jenfasizza l-importanza li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.
Il-KESE jenfasizza li l-industrija tas-sajd taqdi rwol vitali biex ittaffi l-effetti tat-tibdil fil-klima. Is-sajjieda jipprovdu waħda mill-aktar proteini tajbin għas-saħħa tal-annimali b’impronta tal-karbonju minima, meta wieħed iqis li l-emissjonijiet mis-settur huma mbassra li jammontaw għal frazzjoni żgħira tat-total dinji fl-2023, b’enfasi fuq l-impatt ambjentali relattivament baxx tal-industrija. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ li jsiru aktar sforzi biex tissaħħaħ l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jkomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet.
“Id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tas-sajd tirrikjedi approċċ komprensiv, inċentivi finanzjarji u t-tħaddin ta’ sorsi tal-enerġija b’emissjonijiet żero”, qal ir-relatur tal-Opinjoni, Javier Garat Pérez. “Irridu nsibu bilanċ bejn ir-realiżmu u l-ambizzjoni. Neħtieġu skeda ta’ żmien adatta u realistika għad-dekarbonizzazzjoni li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi, loġistiċi u leġiżlattivi. L-ispiża tat-tranżizzjoni m’għandhiex tkun ta’ piż għal min iħaddem u għall-ħaddiema fis-setturi marittimi u jeħtieġ li tiżgura li ħadd jitħalla jibqa’ lura. Li jinstab bilanċ bejn l-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni u l-vijabbiltà ekonomika huwa kruċjali għal tranżizzjoni tal-enerġija b’suċċess.”
Il-KESE jirrikonoxxi l-isfidi marbuta mal-iżvilupp u d-disponibbiltà globali ta’ teknoloġiji ekoloġiċi alternattivi u innovattivi. Il-KESE jissuġġerixxi l-ibridizzazzjoni bħala soluzzjoni intermedja, u fl-istess ħin għandhom jiġu eżaminati wkoll għażliet lil hinn mill-fjuwils fossili. Barra minn hekk, huwa jinnota li kwalunkwe bidla fis-sors tal-enerġija se teħtieġ bastimenti ġodda ddisinjati b’mod kompletament ġdid u b’kapaċità akbar abbord (tunnellaġġ gross) biex jakkomodaw il-makkinarju l-ġdid. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi d-definizzjoni tal-“kapaċità tas-sajd” sabiex tkun tista’ timplimenta teknoloġiji ġodda relatati mat-tranżizzjoni tal-enerġija. (ks)